Lokali

Ħatriet ġodda fil-Grupp Parlamentari tal-PN

Waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li saret ilbieraħ, il-Grupp Parlamentari eleġġa lid-Deputat Karol Aquilina bħala Segretarju tal-Grupp Parlamentari skont dak li jipprovdi l-istatut tal-Partit. Karol Aquilina ġie nominat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista u ġie approvat mill-membri tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista. Skont l-istatut tal-Partit Nazzjonalista, s-Segretarju tal-Grupp Parlamentari huwa responsabbli mill-kordinament bejn l-organizzazzjoni tal-partit u l-Grupp Parlamentari.

Karol Aquilina – Segretarju tal-Grupp Parlamentari

Fl-istess laqgħa, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ikkonferma lid-Deputat Robert Cutajar bħala Whip tal-Grupp Parlamentari kif ukoll għażel lid-Deputat Karl Gouder bħala Assistent Whip wara li din il-kariga sfat vakanti bil-mewt tal-Onorevoli Frederick Azzopardi.

Robert Cutajar – Whip tal-Grupp Parlamentari
Karl Gouder – Deputy Whip tal-Grupp Parlamentari

Dan tħabbar permezz ta’ stqarrija tal-PN iffirmata mill-Viċi Kap tal-PN David Agius.

Waqt il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech mill-ġdid sellem il-memorja ta’ Frederick Azzopardi u rringrazzjah għas-sehem kbir li huwa ta fil-ħidma tal-Grupp Parlamentari matul is-snin kollha li serva bħala Membru Parlamentari elett biex jirrappreżenta lill-Għawdxin.