Lokali

Ħolma oħra li saret realtà għall-familja Għawdxija

Sentejn u nofs… daqshekk kellha tistenna din il-familja biex xewqithom issir realtà u fl-aħħar jiltaqgħu maċ-ċkejkna Sathvika ta’ tliet snin biex bħala familja jibdew ħajja ġdida f’pajjiżna.

Il-proċess ta’ addozzjoni hu diġa’ wieħed twil u li jieħu s-snin… iżda meta l-koppja Għawdxija, Angie u Kevin Farrugia wasslu fl-aħħar pass tal-proċess, jiġifieri li japplikaw ghall-Visa, l-Gvern Indjan għalaq il-fruntieri minhabba l-pandemija, u ma ħallix li jinħarġu visas ġodda.

Dan kien ifisser li kellhom jistennew disa’ xhur oħra biex jgħanqu għall-ewwel darba f’pajjiżna lil Sathvika; mument li jfisser ħafna għall-koppja.

Iżda barra l-fatt li damu ħafna jistennew li jħaddnuha magħhom, kien hemm il-biża’ li ċ-ċkejkna timrad bil-Covid-19.

U matul dawn ix-xhur kollha ta’ stennija, oħtha addottiva ta’ sitt snin, Anamika kienet taħseb li Sathvika ma xtaqitx tiġi Malta biex tgħix magħhom.

Kien il-missier li mar l-Indja biex iġib lit-tifla, bl-omm, kellha tibqa’ Malta minħabba li meta kienu sejrin għaliha kienet ma tiflaħx u ma setgħetx tagħmel dak il-vjaġġ tant twil. U għalhekk issa kien mument ta’ ferħ, meta l-Erbgħa, setgħet tilqagħha fi ħdana malli niżlet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Ritratti: Matthew Tabone
Filmat: Steve Psaila
Muntaġġ: Beverly Abela