Lokali Parlament

Il-gvern iffirma ftehim ma’ Vitals qabel ħarġet is-sejħa għall-offerti dwar il-bejgħ tal-isptarijiet

Ryan Callus, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li issa hu żvelat li l-gvern Laburista iffirma ftehim ma’ Vitals qabel ħarġet is-sejħa għall-offerti dwar il-bejgħ tal-isptarijiet.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament Ryan Callus qal li l-Awditur Ġenerali issa se jkollu s-setgħa li jirriferi lill-Avukat Ġenerali fejn tinstab korruzzjoni.

Hu kompla li għandha ssir ukoll diskussjoni jekk l-Awditur Ġenerali għandux jirreferi wkoll lill-Kummissarju tal-Pulizija; dan hu abbozz li jagħti poteri u jitfa’ iktar obbligi fuq l-Awditur Ġenerali fejn jinsabu provi ta’ korruzzjoni.

Hu tkellem dwar ir-rapport dwar il-kuntratt tal-Electrogas mal-Enemalta fejn irriżultaw sensiela ta’ nuqqasijiet li donnu għall-gvern m’huma xejn. Il-gvern anki vvota kontra l-mozzjoni tal-PN biex ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-abbużi ta’ poter fil-kuntratt tal-Electrogas ikun investigat f’inkjesta pubblika.

Il-Prim Ministru u l-gvern jibżgħu minn inkjesta gaħx diġà hemm il-provi li l-Electrogas kienet ħadma mill-bidu sal-aħħar. Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali għandu jkun milqugħ mill-gvern u jsir ukoll it-tibdil biex l-ex ministru Konrad Mizzi – li bażwar u ħadem lill-poplu Malti – iġorr ir-responsabbiltà politika flimkien mal-gvern.

Hu fakkar li l-gvern kien ivvota favur Konrad Mizzi fil-parlament għalkemm fl-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia diversi ministri pprovaw ineħħu r-responsabbiltà minn fuqhom. Il-gvern Laburista kien akkuża lill-PN li kien kontra l-proġett tal-power station u kontra li joħrsu l-prezzijiet tal-enerġija, sostna Ryan Callus, li kompla li fir-rapport tal-Electrogas hemm ħafna abbużi minn politiċi li issa rriżenjaw mill-gvern Laburista.

Jirriżulta li l-interconnector hu l-irħas għażla iżda li minkejja dan il-gvern intrabat li jixtri mill-Electrogas bilfors 85% tal-enerġija ġenerata. Il-gvern juri li jirrispetta lill-Awditur Ġenerali meta jirrikonoxxi l-iżbalji li saru fosthom li issa għal 18-il sena Malta hi marbuta mal-Electrogas. Kull sena l-poplu jrid iħallas €91 miljun iktar lill-Electrogas.

L-Awditur Ġenerali qal li t-€18-il miljun li l-Electrogas weħlet bħala multa għax damet biex lestiet il-power station kellhom jitħallsu immedjatament biex bihom il-gvern seta’ jraħħas il-kontijiet iżda l-gvern tawwal il-proċess ta’ ħlas għal 18-il sena.

Flok il-gvern raħħas il-kontijiet b’50% dan raħħashom biss għal tliet xhur biex issa dawn reġgħu ġew 100% kif kienu. Konrad Mizzi ħafer ukoll €40 miljun lill-Electrogas iżda anki dwar dan ma ttieħdet l-ebda azzjoni mill-gvern; lanqas biex dawn il-flus ikunu rkuprati.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Awditur Ġenerali sab ukoll li kull sitt xhur tħallsu €10 miljuni iktar f’kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Il-gvern qed jirrifjuta li jippubblika wkoll il-kuntratti li saru mal-Electrogas, sostna Ryan Callus, li kkritika lill-gvern għall-mod redikolu kif il-gvern għatta l-aktar affarijiet importanti meta ppubblika l-kuntratti.

Ryan Callus qal li l-preżentazzjoni li qabel l-2013 kienet saret lill-Mexxej Laburista Joseph Muscat kienet identika għal dik li ngħażlet wara li Joseph Muscat rebaħ il-gvern. L-Awditur Ġenerali kkonkluda li kien hemm suspetti li kollox kien miftiehem minn qabel. Meta ħarġet is-sejħa b’tibdiliet fl-aħħar mument rriżulta li l-Electorgas kienu lesti għalihom u li l-offerenti l-oħra kienu qatgħu qalbhom li jistgħu jirbħuha.

Dwar il-bejgħ tal-isptarijiet, Ryan Callus qal li l-Prim Ministru ilu sena jaħseb jekk itemmx dan il-kuntratt u sostna li fil-kawża fil-qorti ta’ Adrian Delia kontra Vitals kien konfermat li fl-10 ta’ Ottubru 2014 qabel ħarġet is-sejħa għall-offerti, il-gvern Laburista ta’ qabel Jannar li għadda kien diġà iffirma ftehim (MOU) mal-Vitals. L-Awditur Ġenerali kkonferma wkoll li l-eżitu tas-sejħa kien diġà lest qabel ħarġet is-sejħa.

Ryan Callus qal li dak li seħħ fil-Vitals seħħ ukoll fl-Electrogas fejn kien hemm l-istess elementi komuni fosthom Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Ketih Schembri u l-Grupp Parlamentari Labursta.

Lil Vitals, il-poplu Malti qed itiehom €250,000 kuljum; dan hu kapitaliżmu mhux soċjaliżmu aktar u aktar meta Vitals u Stewart kisru l-kundizzjonijiet tal-ftehim u m’għamlu xejn. Iżda quddiem dan kollu l-Prim Minitru għadu qed jikkontempla jwaqqafx il-kuntratt, sostna Ryan Callus.