Lokali

Il-Gvern ikompli jkaxkar saqajh

Għaddew ħames xhur u l-inkjesta dwar id-deal tal-wind farms fil-Montenegro għadha għaddejja. Eżempju ċar ieħor ta’ kemm il-Gvern ta’ Robert Abela qed ikaxkar saqajh biex toħroġ il-verità kollha dwar dan id-deal skandaluz.

Mistoqsi minn dan l-istazzjon jekk għadux jaħseb li dan id-deal kienx tajjeb għall-poplu Malti, il-Ministru tal-Enerġeija Michael Farrugia wieġeb hekk.

Bħala deal ma nistax ngħid li kien wieħed ħażin għax fl-aħħar mill-aħħar se jrendi fondi lill-Enemalta. Jekk sar xi ħaġa minn wara, jien nikkundannah.

Dan l-iskandlu kien faqqa’ f’Ġunju ta’ din is-sena… deal li permezz tiegħu… is-sid ta’ 17 Black, Yorgen Fenech allegatament daħħal €4.6 miljun.

10 t’ijiem qabel ma nxtraw il-windfarms fil-Montenegro mill-Enemalta, il-kumpanija Nexia BT kienet qed tiftaħ kumpaniji sigrieti għall-eks Ministru Konrad Mizzi u għall-eks Chief of Staff Keith Schembri b’konessjoni mal-kumpanija 17 Black.

U llum… Nexia BT, Karl Cini u Brian Tonna spiċċaw bl-assi tagħhom friżati.