Lokali Parlament

Il-poplu ta’ Birżebbuġa jistħoqqlu jkun trattat ħafna aħjar

Hermann Schiavone, PN

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-poplu ta’ Birżebbuġa jistħoqqlu jkun trattat ħafna aħjar għaliex dan hu poplu li qed jerfa’ ħafna.

Fl-Aġġornament tal-parlament Hermann Schiavone qal li d-deċiżjoni li ssir is-sistema ta’ ship to shore f’Birżebbuġa ntlaqgħet tajjeb mill-komunità meta din tħabbret fil-budget iżda l-gvern mhux jgħid meta din se tibda u se titlesta u lanqas speċifika kemm huma allokati fondi għaliha.

Skont direttiva tal-UE, sal-2025 il-Port Ħieles bilfors irid ikollu x-ship to shore u għalhekk jekk il-gvern qed jgħid li se jlestih x-ship to shore fi 30 xahar, dan se jkun propju f’dan il-perjodu.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li n-naħa t’isfel ta’ Malta sofriet tul is-snin fosthom qabel l-2017 meta l-ex Prim Ministru Joseph Muscat kien wiegħed li se jitneħħa l-impjant tal-fuel f’Birżebbuġa iżda dan llum għadu jaħdem minkejja li f’Ħas Saptan beda x-xogħol beix ikun trasferit.

Id-deputat Nazzjonalista appella biex il-politiċi jkunu trasparenti mal-poplu u qal li l-proġett tal-għargħar fiż-żona ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa issa se jibda biex din iż-żona ma tibqax tgħereq. Hu qal li l-poplu ta’ Birżebbuġa jixraqlu aħjar.

Il-Port Ħieles suppost kellu jagħti planning gain ta’ €900,000 iżda l-gvern Nazzjonalista kien ħafer din il-planning gain biex il-poplu ta’ Birżebbuġa kien bata’ l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ investiment għalkemm kien intqal li dawn il-fondi kienu trasferiti għall-bini tal-pitch tal-waterpoplo.

Il-gvern Laburista issa qed jaħfer it-taxxa ta’ €40 miljun lill-Electrogas fuq il-proġett tal-power station waqt li penali ta’ €18-il miljun għax ma tlestiex il-proġett se titħallas fuq 18-il sena.

Dwar l-ambjent, id-deputat Nazzjonalista qal li hemm frekwenza ta’ ħut mejjet fil-bajjiet ta’ Birżebbuġa u sostna li minkejja d-dikjarazzjonijiet tal-gvern, anki sal-lum għad hemm kwantitajiet kbar ta’ ħut mejjet.

Qed jingħad li dan hu riżultat tal-alf li qed jingħataw il-ħut tal-fishfarms. F’din iż-żona hemm problema kbira ta’ tniġġiż ta’ arja minħabba li hemm impjanti li joperaw bil-heavy fuel oil, sostna Hermann Schiavone, li kompla li għandhom jintużaw il-filters kif suppost.

Hu appella biex l-operaturi fis-settur turistiċi jagħmlu kuraġġ għaliex il-vaċċin jinsab viċin u għaliex jidher li s-sjaf li ġej ikun perjodu li fih il-pajjiż jibda jirkupra mill-pandemija.