Coronavirus Lokali Saħħa

“Is-sitwazzjoni hija stabbli” Chris Fearne

Għall-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne… li jkollok medja ta’ 130 każ kuljum…. huwa tajjeb għaliex is-sitwazzjoni hija stabbli. 

F’kummenti lill-ġurnalisti, Chris Fearne ma eskludiex li hekk kif jiskadi l-avviż legali dwar il-bars u r-ristoranti fl-aħħar ta’ dan ix-xahar, dan jerġa’ jkun estiż għal iktar żmien.

Fearne sostna li t-tieni batch tal-vaċċin tal-influwenza se jibda jingħata lejn l-aħħar ta’ Novembru. Bl-Awtoritajiet tas-Saħħa qed ikomplu jappellaw biex kulħadd jieħu din it-tilqima sabiex jitnaqqas it-tixrid tal-virus tal-influwenza.

U għalkemm il-Gvern l-Erbgħa ħabbar mediċina ġdida għal min ibati minn mard kroniku li jaffettwa n-nifs, naqas milli jikkommetti ruħu dwar meta se jibda joffri mediċini oħra b’xejn fosthom ix-Xarelto.

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne kkonferma li hemm numru ta’ mediċini li suppost kellhom jibdew jingħataw b’xejn minn din is-sena, iżda minħabba s-sitwazzjoni li għaddejjin minnha bħalissa, dawn kellhom ikunu posposti.

Din il-kwistjoni qajmet rabja fost ħafna persuni li huma dipendenti fuq din il-mediċina meta wieħed iqis li ħafna anzjani u nies vulnerabbli għandhom imorru fiċ-Ċentri tas-Saħħa jew l-Isptar Mater Dei biex jingħataw l-kura li jeħtieġu. Kieku din il-mediċina daħlet fil-formolarju tal-Gvern iktar kmieni din is-sena, dan kien inaqqas l-ammont ta’ nies li jirrikorru l-Isptar.