Internazzjonali

Iżrael: Attakkati miri militari tas-Sirja u l-Iran

Il-militar ta’ Iżrael qal li wettaq numru ta’ attakki mill-ajru fuq miri militari tas-Sirja u l-Iran li jinsabu qalb it-territorji tas-Sirjani. L-attakki, li seħħew matul il-lejl, segwew is-sejba ta’ ‘diversi tipi ta’ tagħmir splussiv’ qalb l-artijiet tal-Golan li huma okkupati mill-Iżraeljani.

Sadanittant, is-sorsi tal-aħbarijiet Sirjani qalu li l-qawwiet tad-difiża tas-Sirja ‘ikkonfrontaw l-aggressjoni tal-Iżraeljani’ u fejn irnexxielhom iniżżlu numru ta’ missili li kienu sparati lejhom.

Fl-istess ħin, ir-rapporti qalu li mietu talanqas tliet suldati Sirjani waqt l-attakki – b’sorsi oħrajn jgħidu li n-numru tal-mejtin x’aktarx li qabeż l-għaxra u li jinkludi wkoll diversi Iranjani.

Fl-aħħar snin, il-qawwiet Iżraeljani laqtu kemm-il darba l-miri Iranjani fis-Sirja flimkien mal-miri tal-gruppi tal-milizji li huma alleati ma’ Tehran u li għandhom il-bażijiet fl-artijiet Sirjani. Madankollu, Iżrael rari jammetti r-responsabbiltà għal dawn l-attakki.

Fl-istess ħin, it-Tmexxija Iżraeljani qed tagħmilha ċara li ‘mhix se taċċetta sitwazzjoni fejn l-Iranjani jistgħu jrabbu l-għeruq fis-Sirja’.

Dan fost ir-rapporti mill-media Iżraeljana li skwadra militari Sirjana kienet qiegħdet l-imsemmi tagħmir splussiv fl-artijiet tal-Golan, fuq id-direttivi tal-Qawwa tal-Quds tal-Iran. Din il-qawwa Iranjana hi l-fergħa ewlenija tal-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran waqt li hi responsabbli minn azzjonijiet militari ‘il hinn minn pajjiżha.

Intant, il-militar Iżraeljan qal li l-ajruplani tal-gwerra tiegħu laqtu numru ta’ interessi tal-Quds (fis-Sirja) u tal-Armata Sirjana – bil-miri jinkludu l-kwartieri ġenerali, kumplessi militari u faċilitajiet oħra għall-qawwiet armati.