Lokali Parlament

Jeħtieġ investiment ferm iktar qawwi fi trasport li jaħdem bl-elettriku

David Thake, PN

Id-deputat Nazzjonalista David Thake appella lill-gvern biex jintroduċi miżuri u inizjattivi ferm iktar diretti u effettivi biex issir il-qalba mill-karozzi u mezzi ta’ trasport li jaħdmu bid-diesel u l-petrol għal mezzi li jaħdmu bl-elettriku.

Flk-Aġġornamnet tal-parlament David Thake irrifera għal diskors tal-Ministru Aaron Farrugia fil-budget li fih kien allega li fl-2007, il-Ministru għall-Ambjent ta’ dak iż-żmien George Pullicino kien għamel christmas tree fuq il-Magħtab li suppost kellha tinxtgħel fil-gass iżda inxtgħelet mill-grid. Il-Ministru Farrugia kien allega li dan kien falliment.

David Thake qal li wara dan id-diskros hu kien staqsa dwar din is-sitwazzjoni u rriżulta li dak li qal l-Ministru Farrugia ma kienx minnu. Hu sostna li fil-fatt il-christmas tree tħaddmet billi imtlew ċilindri bil-gass miż-Żwejra. L-inġiniera u t-tekniċi kienu għamlu ljieli sħaħ magħha biex ikun assigurat li ma jinqala’ xejn u anki bidlu ċ-ċilindri tal-gass.

Id-deputat Nazzjonalista sostna li l-Ministru Farrugia jmissu jinvestiga kif ħadu n-nar l-impjanti kollha tal-Wasteserv fl-aħħar snin u mhux l-allegazzjonijiet infondati dwar christmas tree.

Id-deputat Nazzjonalista qal li issa l-Ministru Michael Farrugia qed jgħid li se jindirizza l-probema tal-infrastruttura tar-recharging tal-karozzi bid-dawl. Il-fatti huma li mill-2013 ‘l hawn, l-uniku infrastruttura li saret kienet dik marbuta ma’ offerta li nħarġet fi żmien gvern Nazzjonalista u ma twaħħal l-ebda apparat ta’ iċċarġjar.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li diġà għaddew sentejn mill-wegħda taċ-charging points tal-karozzi li s’issa għadhom ma twaħħlux. F’Diċembru 2019 Malta ddikjarat li l-ambizzjoni tal-pajjiż hi li sal-2013 madwar 14% tal-mezzi tat-trasport jkunu elettriċi iżda fil-verità l-pajjiż għadu ‘l bogħod ħafna minn din il-mira.

Fl-aħħar sentejn il-karozzi bil-petrol u d-diesel żdiedu b’10 darbiet iktar minn dawk bid-dawl jew hybrid, li jammontaw biss għal inqas minn 2% tal-karozzi fit-toroq Maltin.

David Thake kompla li l-gvern mhux jagħti inċentivi reali biex il-poplu juża’ karozzi bid-dawl. Hu qal li l-PN jemmen li jridu jingħataw inċentivi ħafna iktar serji anki biex jitjiebu l-ambjent u l-arja.

Hu semma’ l-karozzi tal-kumpaniji u ppropona li tiddaħħal liġi biex il-kumpaniji li jinvestu f’karozzi elettriċi jkunu jistgħu jagħmlu 100% depreciation minn fuq il-kotba tal-kumpanija.

Illum mhux kulħadd jista’ jinvesti f’karozzi ġodda, sostna David Thake, li kompla li l-gvern għandu jgħin lin-nies li ma jistgħux jagħmlu l-qabża mid-diesel għall-gass. Fil-budget il-gvern ma tkellem xejn dwar it-trasport pubbliku u l-mod kif dan jaqleb għal sistemi tad-dawl. Il-gvern ma jifhimx l-isfidi li hemm dwar din il-ħtieġa u għalhekk irid ikun il-PN li fil-gvern jieħu dan is-settur bis-serjetà.