Lokali

L-MCCFF qassmet €15-il miljun f’għajnuniet

Fl-2019 kien hemm żieda ta' €3.3 miljun mill-2018

Matul l-2019, il-Malta Community Chest Fund kellha żiedet l-assistenza finanzjarja li pprovdiet lil persuni vulnerabbli u pazjenti li kienu jeħtieġu ghajnuna speċjalizzata – iktar minn €15-il miljun f’għajnuna.

Fir-rapport annwali preżentat waqt l-ewwel laqgħa ġenerali annwali tal-President George Vella, li saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton l-Erbgħa, intqal li matul is-sena l-oħra kien hemm żieda ta’ iktar minn €3.3 miljun fuq is-sena ta’ qabel hekk kif il-karba għall-għajnuna qed tkompli tiżdied… għajnuna kemm lill-pazjenti u anke lill-qraba tagħhom barra minn Malta, għal mediċina speċjalizzata u tagħmir speċjalizzat.

Il-President ta’ Malta qal li bħala tabib u missier jifhem x’għafsa ta’ qalb wieħed iħoss kull darba li jkollu x’jaqsam ma’ każ ġdid ta’ mard, speċjalment fil-pazjenti żgħar fl-età, filwaqt li qal li se jkompli jaħdem biex il-fondi ma jispiċċawx …u ma jaghtux il-ġenb lil xi nies minhabba li ma jkollhomx minn fejn.

Intqal illi l-Fondazzjoni fl-aħħar sena approvat 1,400 applikazzjoni, li jikkonsistu f’36 tip differenti ta’ kimoterapija speċjalizzata u assistenza barra minn Malta, b’aktar minn 200 vjaġġ bl-ajru u 1,500 lejl ta’ akkomodazzjoni biex jiġu assistiti pazjenti u qrabathom li kellhom bżonn jivvjaġġaw barra mill-pajjiż għall-kura.

Meta kkumparat mal-aħħar erba’ snin, din is-sena l-Fondazzjoni qassmet ħames darbiet iktar mediċina lill-pazjenti, bl-ispejjeż iktar ma jmur iktar qed ikomplu jiżdiedu… fejn saħansitra persuna waħda matul din is-sena kellha bżonn iktar minn €200,000.

Ritratti: Matthew Tabone