Lokali

Rebħa għall-UĦM fil-ġlieda kontra l-prekarjat fl-isptarijiet tal-Gvern

“Ħaddiema ta’ Steward Health Care se jibdew igawdu mill-istess drittijiet u kundizzjonijiet tax-xogħol bħall-impjegati tas-settur pubbliku bis-saħħa ta’ ftehim li ntlaħaq mill-UĦM Voice of the Workers. Josef Vella, CEO tal-UĦM iddeskriva dan l-iżvilupp bħala rebħa mhux biss għall-Union u għall-ħaddiema, iżda wkoll għal dawk kollha li jemmnu fil-prinċipju ta’ ħlas indaqs għalxogħol indaqs.”

Kien dan li ħareġ minn stqarrija maħruġa mill-UĦM Voice of the Workers fejn tkompli tgħid li dan il-ftehim ifisser rebħa kontra l-prekarjat li fl-aħħar snin kien wassal biex ħaddiema ta’ Steward kienu qed jitħallsu eluf inqas fis-sena mill-kollegi tagħhom fuq il-kotba tal-Ministeru tas-Saħħa minkejja li kienu jagħmlu l-istess xogħol.

Il-kwistjoni tmur lura għall-2016 meta l-Gvern kien ipprivatizza tliet sptarijiet pubbliċi: l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, San Luqa u Karin Grech – li kienu għaddew għand Vitals Global Healthcare għal 30 sena.

Fl-2017 VGH għaddiet il-konċessjoni lil Steward. Filwaqt li l-Gvern qed iħallas aktar minn €50 miljun fis-sena, il-kumpanija mhux talli ma onoratx ċertu obbligi li tagħmel investiment kapitali fis-servizz tas-saħħa fosthom ir-rinnovar ta’ San Luqa u l-bini ta’ sptar ġdid f’Għawdex, talli bdiet timpjega ħaddiema biex jaħdmu spalla ma’ spalla ma’ dawk fis-servizz pubbliku b’kundizzjonijiet inferjuri.