Basketball Sport

Starlites GIG b’punti massimi wara rebħa konvinċenti

(Ritratt: Joseph Galea)

Colin Schembri

STARLITES GIG…….76

HIBERNIANS………. 37

(23-10)(21-6)(19-9)(13-12)

Starlites Gig: M. Zammit Cordina 6, C. Cilia, A. Micallef 2, S. Farrugia 2, M. Bonett 9, S. De Martino 15, C. Curmi 5, J. Diaby 9, P. Arguello 8, N. Schembri 5, S. Davies 6, K. Mifsud 9

Hibernians: I. Agius 7, Y. Bonett 5, J. Dabic, S. Brincat 2, B. Agius 3, J. Abela 3, Ch. Camilleri, Cl. Camilleri 2, N. Farrugia 3, K. Calleja, K. Caruana 5, M. Buhagiar 7.

Referees: Luke Camilleri, Gordon Barbara, Kamil Dworniczak

Starlites GIG kienu totalment superjuri għat-team żagħżugħ ta’ Hibernians u kif juri l-iskor finali, huma spiċċaw b’rebħa faċli 76-37. Kien biss fl-aħħar taqsima li Hibs żammew il-pass mal-avversarji però r-rebħa kienet diġa aċċertata għat-team ta’ David Baudot.

Starlites iddominaw taħt il-boards fejn it-tul tagħhom kien superjuri għal dak tal-Pawlisti. Fl-attakk Hibs iridu juru aktar kalma però se jkun staġun ta’ transizzjoni diffiċli għal team li dera jirbaħ unuri matul l-istaġuni li għaddew.

Starlites fetħu l-partita bl-ewwel ħames punti minn Josephine Diaby u Maria Bonett. Għal xi ħin iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin bil-Hibs ikollhom trippla ta’ Naomi Farrugia però Starlites baqgħu fuq quddiem 11-3.

Starlites komplew b’run ta’ 10-0 bi trippla ta’ Patricia Arguello flimkien ma’ Michela Zammit Cordina u Christina Curmi qabel ma Hibs waqqfuhom bil-punti ta’ Ylenia Bonett. Starlites għalqu t-taqsima bil-freethrows ta’ Nicole Schembri għal skor ta’ 23-10.

Fit-tieni taqsima, Hibs sabuha diffiċli biex jagħmlu l-punti u Starlites komplew jinqatgħu fuq quddiem. Huma fetħu bi break qawwi ta’ 13-2 fejn fost l-oħrajn kellhom il-punti ta’ Steffi De Martino, Kaya Mifsud, Anthea Micallef u trippla oħra ta’ Arguello. Wara li Hibs kellhom basket minn Iona Agius, Starlites wieġbu bi trippla ta’ Bonett u basket ta’ Zammit Cordina biex is-sessjoni għalqet bi trippla minn Marie Buhagiar għal Hibs għal skor ta’ 44-16.

It-tielet taqsima kienet kważi identika għat-tieni waħda fejn minkejja li Hibs fetħu bil-punti ta’ Agius u trippla ta’ Jasmine Abela, kienu Starlites li reġgħu għafsu u għaqqdu break ieħor ta’ 17-4. De Martino kellha żewġ trippli flimkien m’oħra ta’ Bonett bi Stephanie Davies u Curmi jagħmlu l-kumplament tal-punti għal skor ta’ 63-25.

L-aħħar taqsima kienet biss formalita hekk kif id-distakk kien wieħed sostanzjali. Hibs fetħu bil-punti ta’ Claudia Camilleri u trippla ta’ Britney Agius b’Diaby twieġeb għal Starlites. Sa’ tmiem il-partita kien hemm aktar punti fejn għal Hibs kisbet punti konskeuttivi Buhagiar, l-istess kif għamlet Kaya Mifsud għal Starlites li għalqet il-partita bi trippla għal skor finali ta’ 76-37.

CAFFÈ MOAK LUXOL……….68

ARMS DEPIRO…………………62

(15-15)(17-11)(15-17)(21-18)

Luxol: A. Mifsud 2, P. Ellul 11, N. Vella 7, M. Pollaco 5, L. Caruana Montaldo, C. Sollami 5, K. Portelli 4, A. Borg 12, J. Schembri, H. Galea, M. Grech, K. Koenig 22.

ARMS Depiro: No. Agius, M. Caruana 12, Ni. Agius 10, T. Mifsud, L. Duncan 3, J. Borg 6, C. Ciantar8, J. Xerri, N. Hili 2, H. Johnson 19, D. Galea, N. Borg 2.

Referees: Gordon Barbara, Ivica Simic, Vladimir Nikolic.

Din il-partita kienet missielta aktar mill-ewwel waħda fejn iż-żewġ timijiet kienu qiegħdin ifittxu l-ewwel rebħa tal-istaġun. Luxol kellhom team mibdul mill-ewwel ħarġa tagħhom fejn ġew lura players t’esperjenza bħal Paula Ellul, Kay Portelli u Nicole Vella u fuq kollox inkludew għall-ewwel darba lil player Amerikana Kali Koenig li spiċċat bi 22 punt fosthom 4 three pointers. Huma kellhom nieqsa lil Sharon Vella.

Depiro kellhom l-istess formazzjoni tal-ewwel partita u fetħu tajjeb bil-punti tal-Amerikana Hannah Johnson u marru 7-1 minn fuq. Luxol bdew jirrispodu u żewġ trippli ta’ Koenig u baskets ta’ Ellul u Marie Elise Pollacco poġġewjom rawhom jaqilbu r-riżultat favurhom. Trippla ta’ Monique Caruana poġġiet lil Depiro fuq quddiem mill-ġdid però Luxol irnexxielhom jippareġjaw sa’ tmiem is-sessjoni 15-15 bil-punti ta’ Koenig u Cristina Sollami.

Fit-tieni taqsima kienu Luxol li marru fuq quddiem permezz ta’ Vella u Sollami però Johnson malajr wieġbet għal Depiro u t-tieni trippla ta’ Caruana tathom vantaġġ ta’ erba’ punti 26-22. Dawn però kienu l-aħħar punti ta’ Depiro għaliex sa’ tmiem is-sessjoni Luxol għamlu run ta’ 10-0 li bdewha bi trippla ta’ Koenig u daħlu jistrieħu 32-26 minn fuq.

Wara l-intervall, iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex Luxol żammew vantaġġ t’erba’ punti 38-34. Depiro għamlu l-iskor indaqs wara l-punti ta’ Agius u Johnson segiti minn trippla fuq kull naħa qabel ma Luxol għamlu l-aħħar punti bi trippla ta’ Antoinette Borg flimkien ma’ Andrea Mifsud għal skor ta’ 47-43.

Fl-aħħar sessjoni kien hemm botta u risposta kontinwa u għal ħin twil basket biss kien jifred liż-żewġ timijiet. Mument tajjeb minn Luxol fosthom bi trippli ta’ Koenig u Ellul rawhom jiftħu vantaġġ ta’ 5 punti u kien biżżejjed għalijhom li jikkontrollaw l-aħħar sforzi ta’ Depiro biex ħarġu rebbieħa 68-62.