Internazzjonali

Stati Uniti: Jitkeċċa uffiċjal ewlieni elettorali wara li ‘sfida’ lil Trump

Il-President Amerikan Donald Trump ikkonferma li hu, fl-aħħar sigħat, keċċa lil uffiċjal ewlieni mas-sistema elettorali wara li dan l-uffiċjal kien ikkontradixxa l-akkużi tal-President fis-sens li kien hemm ‘il-frodi u manipulazzjoni’ fl-elezzjoni għall-Presidenza tal-pajjiż.

Trump sostna li deċieda biex ‘iwarrab’ lil Chris Krebs minn Kap tal-Aġenzija tas-Sigurtà Ċibernetika u għas-Sigurtà tal-Infrastruttura (Cisa) ‘wara li hu ħareġ b’rimarki mill-aktar impreċiżi rigward l-integrità tal-vot għall-Presidenza’.

Krebs hu l-aħħar uffiċjal li tkeċċa mill-President mindu Donald Trump sofra d-disfatta elettorali fil-bidu tax-xahar. Dan wara li Mark Esper ukoll kien tneħħa minn Segretarju tad-Difiża Amerikan, fost rapporti li l-President ‘kellu d-dubji dwar il-lealtà ta’ Esper fil-konfront tiegħu’.

Donald Trump għadu qed jisħaq li hu ‘ir-rebbieħ validu tal-elezzjoni’. Hu, intant, għadu jinsisti bl-akkużi pendenti dwar ‘frodi fuq skala kbira waqt l-elezzjoni’, iżda l-akkużi ma kenux sostanzjati mis-sorsi kredibbli.

Fil-fatt, l-uffiċjali nkarigati mill-proċess elettorali baqgħu jgħidu li l-vot għall-Presidenza kien ‘l-aktar wieħed sikur fl-istorja tal-Istati Uniti’.