Internazzjonali

Tħassib dwar l-irtirar tat-truppi Amerikani mill-Afganistan u l-Iraq

Membri ewlenin tal-Partit Repubblikan tal-Istati Uniti flimkien mal-alleati tal-Amerikani tennew is-sens tal-allarm dwar l-aħbar li se jitneħħew numru sostanzjali ta’ truppi Amerikani mill-Afganistan u l-Iraq.

Dan wara li d-Dipartiment tad-Difiża Amerikan ikkonferma li l-Istati Uniti għandha tirtira mal-2,500 suldat miż-żewġ pajjiżi sa nofs-Jannar li ġej.

Il-President Amerikan attwali, Donald Trump, ilu jesiġi biex it-truppi Amerikani ‘jirritornaw id-dar’ filwaqt li kritika kemm-il darba l-interventi militari tal-Amerikani ‘il hinn minn pajjiżhom.

Madankollu, is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg – f’espressjoni rari ta’ tħassib – wissa li l-Afganistan u l-Iraq ‘kapaċi jħallsu prezz għoli ħafna’ bl-irtirar tat-truppi Amerikani minn arthom.’

Fl-istess ħin, il-Kap tal-Maġġoranza fis-Senat Amerikan, Mitch McConnell, (alleat kbir ta’ Donald Trump), irrefera għall-pjan tal-irtirar bħala ‘wieħed żbaljat’. McConnell anki wissa lill-President ‘biex ma jwettaqx xi tibdil li jista’jheżżeż il-politika tad-difiża u għall-affarijiet barranin tal-Istati Uniti’ qabel hu itemm il-Presidenza fil-bidu tas-sena d-dieħla.

Intant, Donald Trump għad irid jammetti uffiċjalment li tilef l-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti fil-konfront tal-kandidat Demokratiku – u President-elett – Joe Biden. Intant, hu intiż li l-irtirar tat-truppi Amerikani mill-Afganistan u l-Iraq iseħħ xi ħamest ijiem qabel Joe Biden jieħu t-tmun ta’ pajjiżu (bħala s-46 President tal-Istati Uniti) fl-20 ta’ Jannar li ġej.

L-aħħar rapporti qalu li l-ammont tas-suldati Amerikani fl-Iraq se jonqos b’500 għal 2,500 – bl-Istati Uniti għandha tnaqqas l-4,500 militar fl-Afganistan għal xi 2,500 membru.