Formula 1 Sport

Hamilton viċin li jiffirma kuntratt ġdid ma’ Mercedes

(Ritratt: EPA)

Iċ-champion tad-dinja tal-Formula 1 Lewis Hamilton jinsab viċin li jiffirma kuntratt ġdid ma’ Mercedes. Dan ħabbru l-Prinċipal tat-Tim Toto Wolff fejn qal li Hamilton jista’ jiffirma l-kuntratt tiegħu qabel tmiem din is-sena.

Il-ġimgħa li għaddiet fil-Grand Prix tat-Turkija, Hamilton sar champion tad-dinja tal-Formula 1 għas-seba’ darba fejn laħaq ir-rekord ta’ Michael Schumacher fit-titli li rebaħ. Wolff qal li bħalissa Hamilton jinsab ikkonċentrat fl-aħħar tliet Grand Prix li fadal għal tmiem l-istaġun, bit-tlielaq se jsiru kollha fil-Lvant Nofsani, fejn l-istess sewwieq għandu ċans li jirbaħ tlettax -il tellieqa dan l-istaġun.

Għal din l-aħbar, Hamilton qal li hu jixtieq ikompli l-karriera tiegħu ma’ Mercedes u jixtieq ikun parti mill-bidla li t-tim se jkun qiegħed iwettaq fejn fost l-oħrajn il-karozzi tagħhom se jkunu jaħdmu bl-elettriku bl-inqas emmissjonijiet possibli. Hu temm jgħid li minkejja s-suċċess li kiseb matul il-karriera tiegħu xorta għad hemm affarijiet fejn jista’ jitjieb.