Iktar minn kwart ta’ miljun persuna tilfu ħajjithom kaġun tal-Coronavirus fl-Istati Uniti. Din iċ-ċifra kerha, l-ogħla waħda fid-dinja, kienet reġistrata fl-aħħar sigħat mill-Universita’ Medika Johns Hopkins bin-numru preċiż ikun 250,029.
L-Istati Uniti huwa l-iktar pajjiż li sofra l-effetti tal-pandemija, kemm f’termini ta’ vittmi iżda wkoll fin-numru ta’ infezzjonijiet hekk kif inqabżu il-11-il miljun u 500,000 każ.
Dawn iċ-ċifri qed jaslu hekk kif fl-aħħar jiem kien hemm żieda qawwija fl-imxija tal-virus. L-Ogħla awtorita’ fil-pajjiż fil-qasam tal-mard infettiv, it-Tabib Anthony Fauci, qal li l-pajjiż qed imur fid-direzzjoni żbaljata fl-iktar żmien delikat.
Dan peress li qed toqrob ix-xitwa u bit-temp kiesaħ, iktar persuni jinġabru fil-magħluq u mingħajr ma jkunu jafu, ikunu qed ixerrdu l-virus. Hu appella għall-kawtela hekk kif qed toqrob il-festa ta’ Thanksgiving, fejn tradizzjonalment, ħafna Amerikani jivvjaġġjaw madwar il-pajjiż biex iqattgħu il-festa ma’ qraba.
Bħalma kien il-każ fir-Rebbiegħa, New York hi l-iktar zona milquta fl-Istati Uniti u fl-aħħar sigħat ħarġet l-ordni biex l-iskejjel kollha fiz-zona jerġgħu jagħlqu. Dan hekk kif in-numru ta’ każi pożittivi mit-testijiet li saru, qabeż it-3%.
Għalkemm hu konxju li hemm ħafna li huma xettiċi jew li xebgħu mir-restrizzjonijiet, Fauci appella biex il-pubbliku jibqa’ jilbes il-maskri, iżomm id-distanzi soċjali u jevita ġemgħat, anki dawk bejn qraba li ma joqgħodux flimkien.
Hu ħeġġeġ lill-pubbliku għal sforz ieħor hekk kif l-għajnuna fil-forma ta’ vaċċin, dalwaqt tkun magħna.
//= $special ?>