Għawdex Lokali

Il-Gvern Laburista ma jafx kif se jsolvi l-kwistjoni tal-artijiet fin-Nadur – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista nnota d-disprament li wera l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fil-jiem li għaddew fil-Parlament dwar il-kwistjoni tal-artijiet fin-Nadur. Dawn l-artijiet ġew irreġistrati fir-Reġistru tal-Artijiet f’isem fondazzjoni partikolari, minkejja li dawn l-artijiet huma propjetà ta’ ċittadini Nadurin u ilhom hekk snin kbar.

Fi stqarrija f’isem id-Deputati Għawdxin Chris Said, Kevin Cutajar u Joe Ellis, il-Partit Nazzjonalista qal li d-disprament tal-Ministru jidher li hu kkawżat mid-diżinteress totali li sħabu fl-istess Gvern urew u għadhom qed juru biex tissolva din il-problema. Tant jidher li din is-sitwazzjoni ħarbitlu minn idejh lill-Gvern, li l-Ministru Camilleri kellu jiġi jitkarrab fil-Parlament biex forsi xi ħadd jisma’ u jsib soluzzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar lill-Ministru Camilleri li bid-disprament tiegħu mhu se jsolvi xejn. L-ewwel u qabel kollox hu u l-Gvern li jifforma parti minnu, kien imisshom kienu aktar attenti biex sitwazzjoni bħal dik tan-Nadur ma tiżviluppax. Il-fatt li l-Awtoritajiet ippermettew li tinħoloq din is-sitwazzjoni, mhu xejn għajr turija ta’ inkompetenza tal-Gvern, partikolarment f’Għawdex, għax fl-aħħar mill-aħħar hu l-Gvern li hu responsabbli għat-tmexxija tajba.

Il-Partit Nazzjonalista kompla li, mill-Ministru Camilleri u l-Gvern li minnu jifforma parti hu, l-Għawdxin u partikolarment iċ-ċittadini Nadurin milquta mill-problema jridu jaraw gwida serja u li taf x’inhi tagħmel biex issibilhom soluzzjoni kif bid-dritt jistennew. Dan mhux biss mhux qed jiġri, iżda saħansitra l-esponenti tal-Gvern tant jidhru li huma daharhom mal-ħajt li l-unika żbokk li qed jaraw hu li jissuġġerixxu lin-nies milquta jieħdu passi legali, bl-ispejjeż u l-uġigħ tar-ras ibatuhom kompletament dawn tal-aħħar. U fil-każ tal-Ministru Camilleri li jappella għall-buon sens ta’ min hu wara dawn l-applikazzjonijiet.

Il-Partit Nazzjonalista kompla li minn dak li stqarr il-Ministru Camilleri fil-Parlament, jidher ċar li hemm raġuni biżżejjed biex ir-Reġistratur tal-Artijiet jeżerċita l-poteri tiegħu skont il-Liġi u jwarrab l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-art inkwistjoni. B’hekk, il-familji li ntlaqtu minn dawn ir-reġistrazzjonijiet joħorġu mil-limbu li daħlu fih mingħajr dewmien, spejjeż u qtigħ ta’ qalb. La l-Gvern, la r-Reġistru tal-Artijiet u wisq anqas il-Ministru Camilleri ma taw l-ebda spjegazzjoni għaliex dan ma seħħx.

Il-Partit Nazzjonalista ma jistax ma jinnotax li b’din il-kwistjoni tal-artijiet fin-Nadur, l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna taħt Gvern Laburista, għal darb’oħra fallew u qed ifallu milli jipproteġu l-interessi tal-Għawdxin. Dan mhux dak li għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti fil-passat u li se jkun qed jagħmel Gvern Nazzjonalista futur, temmet tgħid l-istqarrija.