Lokali Qorti

Il-Kamra tal-Avukati titlob biex jiġi sospiż id-Direttur tal-Ħabs

Il-Kamra tal-Avukati talbet għas-sospensjoni tad-Direttur tal-Ħabs sakemm issir investigazzjoni dwar inċident li jinvolvi lill-avukat ta’ Yorgen Fenech, Charles Mercieca.

L-avukat ilmenta fil-Qorti iktar kmieni llum li waqt li kien qed iżur il-klijent tiegħu fil-ħabs nhar it-Tnejn, huwa ġie interrott minn xogħolu b’leħen għoli mal-wasla tad-Direttur tal-ħabs Alex Dalli, li oġġezzjona b’mod voċiferu, waqt li beda jipponta lejn id-dokumenti li kellu l-Avukat.

Dalli nsista li l-ebda karta ma kienet permessa tidħol sakemm ma tkunx dokumentata u skennjata individwalment. L-avukat ma tħallix bil-karti u għalhekk talab għall-protezzjoni tal-Qrati.

Il-kamra kkundannat l-inċident u qalet li kitbet lill-Ministru tal-Intern Byron Camilleri, fejn talbuh jieħu azzjoni u jordna investigazzjoni mingħajr dewmien.

L-attitudni ta’ Dalli, maħsuba b’mod ċar biex tintimida lill-avukat fl-eżerċizzju tad-dmirijiet professjonali tiegħu tista’, fl-aħjar każ tkun deskritta bħala “tal-mistħija” u fl-agħar xenarju bħala “ostruzzjoni ċara u sfaċċata għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja, “qalet il-kamra.

Ingħad li l-Kamra tal-Avukati mhux se tittollera tali “abbuż ta ‘poter” li ġej minn xi uffiċjal pubbliku, u mid-direttur tal-ħabs innifsu. Il-Kamra talbet lid-direttur biex jerfa’ r-responsabbiltà u jissospendi lilu nniffsu sakemm joħroġ ir-riżultat ta’ inkjesta indipendenti li għandha tiġi ordnata mill-aktar fis.

Kull persuna akkużata għandha d-dritt tiddefendi lilha nnifisha u dritt bħal dan kellu jiġi salvagwardjat speċjalment minn istituzzjonijiet pubbliċi. L-avukati li jżuru l-ħabs biex jassistu lill-klijenti tagħhom għandhom jiġu ttrattati “fil-limiti tad-deċenza u l-polittezza li jixirqilhom u mingħajr biża’ jew intimidazzjoni milll-awtoritajiet tal-ħabs”, insistiet il-kamra.