Lokali

Il-Qorti tilmenta dwar ‘investigazzjoni fjakka’

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ħa nota tad-deċiżjoni li ta llum il-Maġistrat Dr. Joe Mifsud. F’din is-sentenza, l-Qorti sabet li l-Pulizija ma ressqitx biżżejjed xiehda biex tipprova li ġurnalisti inżammu kontra l-volontà tagħhom f’kamra fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti, kważi b’mod apoloġetiku, illiberat lill-akkużati wara li b’mod emfatiku esprimiet id-dwejjaq tagħha għall-mod kif il-pulizija investigat dan il-każ. “Il-Qorti trid tagħmilha ċara mill-bidu nett li ma hi sodisfatta xejn bil-mod kif tmexxew l-investigazzjonijiet f’dan il-każ”.
Fid-29 ta’ Novembru 2019, numru ta’ ġurnalisti ma tħallewx joħorġu mill-kamra fl-Uffiċċju tal-Prim Minisru. Filwaqt li nnota d-deċiżjoni tal-Qorti, l-Istitut tal-Ġurnalisti jibqa’ jappoġġja u jagħti s-sostenn tiegħu lill-ġurnalisti involuti li kif jidher minn evidenza awdjo-viżiva
għandhom raġun fl-ilment tagħhom.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti kkundannat dawn il-fatti:

  1. Li r-rapporti li l-ġurnalisti involuti għamlu lill-pulizija appena seħħ l-inċident, ma kienux
    ippreżentati fil-Qorti u li rapport oħra ma kienux investigat.
  2. Ix-xhieda tal-pulizija kienet kontradetta mill-filmat tax-xena fejn seħħ il-każ.
  3. Il-Pulizija ma ppruvatx issib min għalaq il-bieb tal-kamra u jekk dan kienx imsakkar jew le.
  4. Il-Pulizija ma għamlet ebda tentattiv li tikseb il-verżjoni ta’ min organiżża l-konferenza stampa.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Malti iqis dawn il-punti bħala indikazzjoni ċara li f’dan il-każ ma saritx tfittxija ġenwina għall-verità. In-nuqqas ta’ xiehda ma jfissirx li ma kienx hemm arrest illegali u ma kienx hemm provi għax kif qalet l-istess Qorti, il-pulizija naqset milli tagħmel dmirha. Dan hu nuqqas serju u mankanza oħra fis-Saltna tad-Dritt li l-ġurnalisti li jaqdu dmirhom skont il-liġi qed ikollhom jiffaċċjaw.

Fl-aħħarnett, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jappella lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jieħu nota tar-rakkomandazzjonijiet iebsa u serji li hemm fis-sentenza u li messhom ittieħdu biex ikun evitat dan il-każ ta’ mistħija.

L-Istitut tal-Ġurnalisti isostni r-rieda tiegħu li jgħin u jikkoopera mad-Dipartiment tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u mad-Dipartiment tal-Informazzjoni u l-Kummissarju għal Standards fil-Ħajja Pubblika kif suġġerit fid-deċiżjoni tal-Qorti. Jekk dawn ir-rakkomandazzjoni
jkunu aċċetati, jonqsu l-ostakli għad-dritt tal-informazzjoni.