Lokali Qorti

Il-UĦM tirreġistra tilwima industrijali fl-Aġenzija tal-Qorti

It-Taqsima Ħaddiema tal-Gvern fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers irreġistrat tilwima industrijali fl-Aġenzija tal-Qorti.

It-Taqsima waslet għal din id-deċiżjoni minħabba dewmien min-naħa tal-amministrazzjoni u mill-Industrial Relations Unit biex ikun konkluż id-dokument wara taħditiet li kienu saru dwar il-ftehim kollettiv. Barra minhekk, hemm id-diżappunt kbir għall-mod kif qed jiġu ttrattati n-negozjati filkonfront ta’ dawn il-ħaddiema fi ħdan l-Aġenzija.

Fi stqarrija ngħad li t-Taqsima Ħaddiema tal-Gvern għamlet kull tentattiv mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Qorti u mal-Industrial Relations Unit biex jitkomplew in-negozjati mill-aktar fis, iżda sfortunatament, ma kien hemm l-ebda progress.

Fid-dawl ta’ dan kollu, u wara li sar kull tentattiv biex din is-sitwazzjoni tkun riżolta madwar il-mejda tan-negozjati, jidher li l-amministrazzjoni ma ħalliet lebda triq oħra ħlief li t-Taqsima Ħaddiema tal-Gvern tirreġistra din it-tilwima industrijali.

It-Taqsima mhix teskludi li tordna azzjonijiet industrijali kemm-il darba mhux se tingħata l-attenzjoni meħtieġa lil din is-sitwazzjoni.

Id-direttivi li se jidħlu fis-seħħ mistennija jaffettwaw lil numru kbir ta’ ħaddiema fosthom Messaġġiera tal-Qorti, Marixxalli tal-Qorti, Assistenti Reġistraturi, Deputati Reġistraturi, Assistenti Ġudizzjarji, Ħaddiema tar-Reġistru u ħafna impjegati oħra.