Lokali Unjoni Ewropea

Iż-żgħażagħ mhux biss il-futur imma l-preżent – Bernard Grech

Dejjem nilqa’ b’ferħ stediniet minn għaqdiet taż-żgħażagħ biex jiltaqgħu miegħi għax nemmen ħafna fil-ħiliet taż-żgħażagħ. Għalija, iż-żgħażagħ mhumiex biss il-futur, iżda anke l-preżent.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta laqa’ fl-Uffiċċju tiegħu fid-Dar Ċentrali lil delagazzjoni mill-European Democrat Students (EDS), li hi l-fergħa studenteska tal-Partit Popolari Ewropew.

Bernard Grech qal li fil-ġimgħat li ilu Kap tal-Partit Nazzjonalista ra li ż-żgħażagħ ikollhom sehem aktar attiv fil-viżjoni tal-Partit b’risq pajjiżna. U f’dan is-sens, hu kburi li l-Partit Nazzjonalista jifforma parti mill-familja tal-Partit Popolari Ewropew, li għandha fergħa żagħżugħa mimlija enerġija, li trid iżżomm lill-Unjoni Ewropea aktar qrib iċ-ċittadini.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-EDS Carlo Angrisano faħħar l-impenn li l-Partit Nazzjonalista dejjem kellu fl-istituzzjonijiet Ewropej. Filwaqt li fakkar fil-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew li l-Partit Nazzjonalista organizza fl-2017.

Angrisano qal li bħala żagħżugħ, jemmen li hu ta’ sodisfazzjon li partit f’pajjiż żgħir …bħall-Partit Nazzjonalista f’Malta… jieħu sehem attiv fl-isfera Ewropej. Hu sellem ukoll il-ħidma li politiċi tal-Partit Nazzjonalista jagħmlu fl-Unjoni Ewropea.

Partikolarment, hu sellem lil Simon Busuttil, li llum hu s-Segretarju Ġenerali tal-PPE, kif ukoll lil Roberta Metsola, li llum hi l-Viċi President tal-Parlament Ewropew u lil David Casa, li jservi bħala Kwestur fil-Parlament Ewropew.

Iċ-Chairman tal-EDS ħabbar li l-Laqgħa tal-Kunsill li tmiss se titmexxa b’mod virtwali mid-Dar Ċentrali fi tmiem il-ġimgħa li ġej. Il-Laqgħa mistennija tiddiskuti bi prominenza l-aġenda tal-istudenti Maltin fl-istituzzjonijiet Ewropej.

Akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali Beppe Galea u mill-Uffiċjal Eżekuttiv Francesco Sismondini, Carlo Angrisano qal li l-EDS hi impenjata li l-istudenti u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin jingħataw aktar opportunitajiet fl-istituzzjonijiet fi Brussell.