Lokali Saħħa

“Konferma li Konrad Mizzi rabat lil pajjiżna jħallas €100,000,000 biex nieħdu lura t-tliet sptarijiet pubbliċi” – PN

Ix-xhieda li ngħatat fil-Qorti fil-kawża dwar il-bejgħ tat-tliet sptarijiet pubbliċi li Vitals tikkonferma li l-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi rabat lil pajjiżna biex iħallas €100,000,000 biex tliet sptarijiet pubbliċi jingħataw lura lill-poplu Malti u Għawdxi. Dawn il-€100,000,000 mit-taxxi tal-poplu jridu jiġi mħallsa ikunu xi jkunu r-raġunijiet, anke wara kwalsiasi sentenza tal-Qorti Ii tiddikjara l-kuntratt oriġinali tal-2015 bħala wiehed null.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija ffirmata mid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia u Karol Aquilina.

L-istess xhieda tikkonferma li l-bejgħ tat-tliet sptarijiet pubbliċi kienet immexxija mill-bidu sal-aħħar mill-eks Ministru Konrad Mizzi u li l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministri Edward Scicluna u Chris Cardona m’għamlu xejn biex iwaqqfuh jew jippruvaw jikkontrollawh. Il-PN jfakkar li fil-bidu ta’ Frar 2020 il-Prim Ministru Laburista Robert Abela kien ħatar kumitat biex jirrevedi d-deal korrott tal-bejgħ tat-tliet sptarijiet pubbliċi lil Vitals.

Il-Partit Nazzjnalista saħaq li Robert Abela kien wiegħed pubblikament li jwassal għar-riżultati fi żmien ftit ġimgħat. Wara li għaddew aktar minn disa’ xhur, il-Prim Ministru Laburista Robert Abela għadu sal-lum ma qalx x’kienu l-konklużjonijiet ta’ dan il-kumitat u għadu ma ħa l-ebda deċiżjoni dwar id-deal korrott tal-Vitals. Minħabba n-nuqqas t’azzjoni tal-Prim Ministru Laburista Robert Abela l-poplu għadu sal-lum iħallas l-miljuni ta’ ewro kull sena lis-suċċessuri ta’ Vitals filwaqt li jiġi mċaħħad minn servizz ta’ kwalità fi tliet sptarijiet pubbliċi.

Il-Prim Ministru Laburista Robert Abela issa jeħtieġ li mill-kliem jgħaddi għall-fatti billi b’mod immedjat iħassar id-deal korrott tal-bejgħ tal-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-isptar ġenerali ta’ Għawdex. Fin-nuqqas li jagħmel hekk il-Prim Ministru Laburista Robert Abela jkun qed jaġixxi ta’ kompliċi fl-aġir skandaluż tal-eks Ministru Konrad Mizzi