Coronavirus Ekonomija Lokali

Konferma mill-Bank Ċentrali li l-każi ġodda ta’ Covid-19 qed jaffetwaw l-ekonomija

Il-fiduċja baqgħet negattiva fis-setturi kollha

Rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jikkonferma li f’Ottubru kien hemm tnaqqis fl‑Indikatur tas‑Sentiment Ekonomiku meta mqabbel max‑xahar ta’ qabel, possibbilment minħabba ż‑żieda fl‑infezzjonijiet tal‑COVID‑19 u t‑tħabbir ta’ aktar miżuri ta’ trażżin f’Ottubru.

It‑tnaqqis fis‑sentiment kien primarjament xprunat minn tnaqqis sinifikanti fil‑fiduċja fis‑settur tas‑servizzi u, f’livelli iktar limitati, fis‑settur tal‑kostruzzjoni u fost il‑konsumaturi. B’kuntrast għal dan, kien hemm titjib fis‑sentiment fl‑industrija u fost il‑bejjiegħa. Madankollu, il‑fiduċja baqgħet negattiva fis‑setturi kollha.

F’Settembru, il‑produzzjoni industrijali u l‑volum tal‑bejgħ bl‑imnut naqsu f’termini annwali, għalkemm iċ-ċifri tal-qgħad mhux juru żieda.

F’Settembru, id‑defiċit fuq il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali żdied meta mqabbel ma’ sena qabel. Dan jirrifletti l‑impatt fuq id‑dħul minn attività ekonomika aktar baxxa minħabba l‑imxija globali tal‑COVID‑19.