Lokali Saħħa

L-FPPN sodisfatt li l-ħaddiema ta’ Steward se jibdew igawdu l-istess bħall-impjegati tas-settur pubbliku

Il-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN) laqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li l-ħaddiema ta’ Steward Health Care se jibdew igawdu mill-istess drittijiet u kundizzjonijiet tax-xogħol bħall-impjegati tas-settur pubbliku.

Fi stqarrija, l-FPPN radd ħajr lill-UĦM Voice of the Workers għall-ħidma tagħha, filwaqt li fakkar li l-Partit Nazzjonalista, anke permezz tas-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) u l-FPPN, kien insistenti sa mill-bidunett li l-ħaddiema ta’ Steward Health Care kien ħaqqhom ikunu pari mal-kollegi tagħhom fis-settur pubbliku.

Minn analiżi li kienet saret ħareġ ċar li fuq medda ta’ erba’ snin ċerti ħaddiema kienu qalgħu sa €6,800 anqas mill-kollegi tagħhom u dan minkejja li kienu qed jagħmlu xogħol identiku. Kien hemm ukoll diskrepanzi ċari dwar kundizzjonijiet oħrajn, bħal vacation leave, allowances u family-friendly measures.

L-FPPN temm jgħid li hu ironiku kif il-Gvern Laburista, il-Gvern tas-suppost partit tal-ħaddiema, bħal donnu kien komdu b’kundizzjonijiet hekk diskriminatorji għal snin sħaħ u li tali kundizzjonijiet ġew fi tmiemhom biss grazzi għall-ħidma tal-UĦM Voice of the Workers u l-pressjoni pubblika tal-Partit Nazzjonalista, tal-Forum stess u tal-SĦPN.