Lokali

“L-idea tal-Living Income timmerita appoġġ” – Ivan Bartolo

L-idea li f’pajjiżna jiddaħħal il-kunċett tal-living income timmerita kunsiderazzjoni u appoġġ wiegħsa.

Dan intqal mid-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo waqt konferenza organizzati mill-Anti-Poverty Forum Malta, u li iffukat propju fuq il-Living Income.

Bartolo stqarr li l-faqar ma nistgħux naharbuħ għax qiegħed madwarna. “Jista’ jkun li ma jolqotx lilna b’mod dirett iżda ċertament għandna nħossu l-obbligu u d-dover li nintervjenu u ma nħallux minn fostna ibati bla bżonn. Dawn in-nies mhux ħniena jridu iżda l-għodda u l-għajnuna neċessarja biex jerġgħu jsibu saqajhom fil-ħajja u t-triq lejn livell ta’ għixien xieraq u dinjituż.”

Id-deputat Nazzjonalista tkellem fit-tul fuq il-faqar u r-realtà tal-esklużjoni soċjali.

Hu qal li preżentament mhux qed isir biżżejjed. minkejja l-isforzi kollha. U dak li qed isir mhux qed jilħaq bl-aħjar mod lil dawk l-aktar fil-bżonn. Insista li hemm bżonn aktar riżorsi, finanzjarji u umani, fil-ġlieda kontra l-faqar u l-eskluzjoni soċjali u hemm bżonn ta’ kordinament akbar bejn l-atturi kollha nvoluti fil-ġlieda kontra l-faqar ħalli ma jkunx hemm duplikazzjoni u r-riżorsi disponibbli jintużaw bl-aħjar mod.

“Ejja ma nitilqux mill-premessa li l-living income hija s-soluzzjoni wahdanija biex nghelbu l-faqar u l-eskluzjoni soċjali f’pajjiżna”, stqarr Ivan Bartolo.

Hu qal illi qabel nimxu f’din id-direzzjoni, importanti li l-Gvern jikkonsulta sew mal-partijiet kollha konċernati biex iwitti t-triq għall-introduzzjoni tal-living income f’pajjiżna, la darba dan jiġi deċiż.