Lokali

Michael Piccinino elett Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv tal-Partit Nazzjonalista

Fil-laqgħa tiegħu tal-lejla, il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista ħatar lill-Avukat Michael Piccinino bħala Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv tal-Partit. Michael Piccinino inħatar b’50 vot favur u tnejn kontra fuq rakkomandazzjoni tas-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech. Is-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv hu Uffiċjal tal-Partit u għaldaqstant, hu wkoll membru tal-Kumitat Eżekuttiv, tal-Kunsill Amministrattiv u tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-Partit.

Il-ħidma ewlenija tas-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv hi li jassigura kuntatt kontinwu mal-Kumitati Sezzjonali, Reġjonali u organizzazzjonijiet oħra tal-Partit, kif ukoll li jaħdem id f’id mal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit (ELCOM).

Fost oħrajn, is-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv huwa responsabbli fost l-oħrajn mill-organizzazzjoni tal-partit fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali, jieħu ħsieb ir-riżorsi tal-Partit biex l-Uffiċċju tal-Kap tal-Partit u l-organi kollha tal-Partit ikunu jistgħu jwettqu l-ħidma politika tagħhom u li jara li d-Dar Ċentrali u l-assi kollha tal-Partit ikunu fi stat tajjeb.

Michael Piccinino hu minn Raħal Ġdid u għandu 25 sena. Hu ggradwa mill-Kors tal-Liġi s-sena li għaddiet u kkwalifika bħala Avukat f’Marzu ta’ din is-sena. Għandu esperjenza vasta f’diversi entitajiet mhux governattivi, fejn fost l-oħrajn kien President tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ), minfejn ħadem għal bidliet leġislattivi radikali, fosthom it-tibdil fl-età tal-vot minn 18 għal 16-il sena.

Bħalissa, hu qed iservi wkoll fil-Bord tal-European Youth Forum, li jirrappreżenta liż-żgħażagħ u lill-għaqdiet taż-żgħażagħ fuq livell Ewropew mal-Unjoni Ewropea u mal-Kunsill Ewropew.

Fil-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino ilu jservi għal diversi snin fil-Kumitat Sezzjonali ta’ Raħal Ġdid f’diversi karigi u għal ħames snin irrappreżenta lill-Kumitati tar-raba’ distrett fil-Kumitat Eżekuttiv. Hu okkupa wkoll diversi karigi fi ħdan il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN).

Matul dan is-sajf, Michael Piccinino beda jservi wkoll bħala l-Kordinatur Politiku tal-Partit Nazzjonalista.