Lokali

AĠĠORNATA: Raġel mill-Pakistan imut fil-ħabs ta’ Kordin

Kollox jindika li miet waqt l-irqad

Żagħżugħ ta’ 25 sena nstab mejjet fiċ-ċella tiegħu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Fi stqarrija mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, intqal li r-raġel mill-Pakistan instab mill-uffiċjali korrettivi waqt ir-rondi għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħodu.

Intqal illi fiċ-ċella ma nstab xejn suspettuż u għalhekk l-ewwel indikazzjonijiet juru li miet waqt l-irqad.

B’mod immedjat ġew infurmati l-pulizija tad-distrett b’dan il-każ filwaqt li nħatret inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea.

Dwar din l-aħħar mewta, l-editur Maniġerjali tal-MediaToday Saviour Balzan stqarr li din mhix materja taċ-ċajt wara rekord ta’ imwiet. U insista li l-Ministru Byron Camilleri għadu qed jemmen f’Direttur tal-Ħabs li hu ddeskrivih bħala persuna li jmexxi l-ħabs b’mentalità medjevali.

Ikkummenta wkoll il-Professur Andrew Azzopardi li wera dubji dwar kemm tista’ tasal għal konklużjoni daqstant malajr fuq il-kawża tal-mewt. “Mingħajr awtopsja u ddeċidejna”, kiteb Andrew Azzopardi.