L-aħbar tal-mewt ta’ persuna oħra fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin mill-ġdid tfakkarna illi l-Gvern immexxi minn Robert Abela falla bl-aktar mod assolut fl-amministrazzjoni u r riforma tal-ħabs tagħna.
Sostna dan il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Beppe Fenech Adami fejn fi stqarrija qal li l-ħabsin, il-familjari tagħhom u kull ċittadin illi jemmen fid-dinjita’ tal-bniedem huma verament imħassba u inkwetati kif quddiem mewta oħra fil-ħabs, issa żagħżugħ ta’ 25 sena. Il-Ministru Byron Camilleri jibqa’ ma jifhimx li fil-ħabs illum hemm kriżi fl-amministrazzjoni tiegħu u jibqa’ ma jieħu ebda passi sabiex traġedji bħal dawn ma jibqgħux iseħħu.
L-istqarrija tkompli li l-Ministru Byron Camilleri għandu jifhem illi kull ħajja, anke ta’ persuna fil-ħabs, hija prezzjuża. Għandu jifhem illi ħadd m’għandu jitlef ħajtu minħabba sistemi, metodi u modi ta’ amministrazzjoni fil-ħabs li evidentament fallew.
“In-nuqqas t’azzjoni mill-Ministru Bryron Camilleri trendih politikament responsabbli għal din it-traġedja li għaddej minnha l-ħabs bħalissa,” ittemm l-istqarrija.
//= $special ?>