Lokali Saħħa

SAGA SPTARIJIET: Il-Ministri kollha jfarfru fuq ‘il-Ministru kompetenti’

Saga li ilha għaddejja is-snin tidher li se tkompli tiġġebbed, u l-membri tal-istess Gvern li ħoloq il-problema, kollha jfarfru minn fuq spallithom.

Il-kuntratt skandaluż tal-bejgħ tal-isptarijiet ta’ pajjiżna jidher li hu suġġett li l-Ministri tal-Gvern, li uħud minnhom kienu hemm biex jivvutaw favurih huma skomdi jwieġbu dwaru.

Fosthom il-Ministru responsabbli mill-Ekonomija, Silvio Schembri li għall-mistoqsijiet ta’ Net News wieġeb li ‘hemm il-proċeduri’ u li ‘fadlilkom naqra tistennew lill-Qorti tiddeċiedi’.

Kważi 10 xhur ilu, fil-bidu ta’ Frar, il-Prim Ministru Robert Abela waqt mass meeting qal li kien waqqaf kumitat, li fi ftit tal-ġimgħat kellu jagħmel, fi kliemu stess, ‘stock take’ tas-sitwazzjoni marbuta ma’ dan il-kuntratt.

Iżda ħadd ma jaf eżatt x’sab jew ma sabx dan il-kumitat.

Staqsejna lill-Ministru Aaron Farrugia li bħall-kollega tiegħu ma kienx kapaċi jwieġeb la dwar x’sab il-kumitat u lanqas dwar il-Memorandum of Understanding dwar il-Vitals, u qalilna biss biex nistaqsu ‘lill-Ministru kkonċernat’.

Min-naħa tagħha, il-Ministru Julia Farrugia qaltilna li l-kuntratt qed jiġi diskuss fil-fora, iżda meta staqsejna x’inhuma dawn il-fora Farrugia rreferiet għall-kawża fil-Qorti

Sadanittant, staqsejna wkoll lill-Ministru Aaron Farrugia x’jaħseb dwar ir-rapporti tal-Awditur Ġenerali, b’Farrugia jwieġeb li dawn huma importanti u l-Gvern dejjem mexa fuq ir-rapporti tal-NAO.

Dan minkejja li l-Gvern għamel kompletament l-oppost u kien injora għalkollox ir-rapport iebes tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratt tal-Vitals. Kuntratt li qed jiswa lill-Maltin u lill-Għawdxin kwart ta’ muljun ewro kull ġurnata u li Konrad Mizzi kien rabat b’kundizzjoni, li jekk il-Gvern Malti jinħall minnu, ikollu jħallas piena ta’ 100 miljun ewro lil Vitals, jew fil-każ preżenti lil Steward.