Internazzjonali

Covid-19: L-isptarijiet fir-Russja jiffaċċjaw in-nuqqasijiet serji tal-mediċina

Numru ta’ sptarijiet fir-Russja qed jiffaċċjaw nuqqas akut ta’ mediċina li biha jistgħu jkunu trattati l-pazjenti morda bil-Covid-19. Is-sitwazzjoni qed tidher iddisprata minħabba sitwazzjonijiet fejn in-nies xtraw u ħażnu kwantitajiet eżaġerati ta’ mediċina li tista’ ittaffi l-effetti tal-marda – bid-domanda għolja għall-istess mediċina fil-pajjiż mhix qed tgħin f’dawn iċ-ċirkustanzi.

Sadanittant, l-uffiċjali tas-saħħa, flimkien mat-tobba u d-distributuri tal-mediċina qablu li s-sitwazzjoni magħrufa bħala ‘panic buying’ mhix qed tgħin biex l-isptarijiet jindirizzaw in-nuqqas.

Ir-Russja hi l-ħames l-aktar pajjiż fid-dinja li ġarrab każi tal-Covid-19. U l-pajjiż, l-istess bħal pajjiżi oħra, qed isibha diffiċli biex irażżan l-effetti tat-tieni mewġa tal-coronavirus, bis-setturi tas-saħħa ‘il hinn minn Moska qegħdin jidhru qrib li jikkrollaw taħt il-piż tal-każi.

It-tobba f’aktar minn għaxar reġjuni qed jiffaċċjaw in-nuqqasijiet sostanzjali tal-antibiotiċi u mediċina għal kontra l-viruses, flimkien ma’ mediċina oħra li kapaċi titratta l-effetti tal-Covid-19.

Intant, ir-rapporti rreferew għal sitwazzjonijiet fejn it-tobba qed isejħu kontinwament lill-bejjiegħa tal-mediċini biex jinfurmawhom ‘li mgħandhom xejn biex jittrattaw lill-pazjenti’ – u bil-bejjiegħa jwieġbu li mgħandhomx il-ħażniet adatti tal-farmaċewtiċi mitluba.

Il-Ministeru tas-Saħħa tar-Russja baqa’ ma kkummentax dwar sitwazzjoni li aktar, kulma jmur, qed tidher iddisprata.

Dan meta Dmitry Peskov, kelliema għall-Kremlin ta’ Moska, kien qal, il-ġimgħa l-oħra li ‘hu u l-awtoritajiet huma konxji mill-problema’.

Peskov spjega li  ‘mhux aċċettabbli’ li jkun hemm nuqqas ta’ mediċina u antibiotiċi f’ċerti reġjuni’ u li l-Gvern qed jagħmel kull sforz possibbli biex jevita dawn iċ-ċirkustanzi inkwetanti.

U meta l-ammont tal-infezzjonijet bil-Covid-19 fir-Russja qabżu ż-żewġ miljuni, il-mezzi tas-media soċjali fil-pajjiż jinsabu ‘mgħarrqin’ bit-talbiet iddisprati għax-xiri tal-mediċina li tinsab ‘out sof stock’.

It-tobba fir-Russja jużaw programm speċifiku – b’mediċina speċifika – għat-trattament tal-pazjenti morda bil-Covid-19. It-trattament jinkludi l-antibiotiċi Levofloxacin jew Azithromycinum – flimkien ma’ mediċina ‘antiviral’ bħall-umifenovir.

Dan fost ir-rapporti tal-uffiċjali mid-diversi reġjuni tar-Russja li l-ammonti ta’ dawn il-mediċini aktar, kulma jmur, qegħdin jonqsu.