Lokali

Dan hu ż-żagħżugħ Pakistani li miet fil-ħabs u li kien se jiskonta s-sentenza f’Jum il-Milied

Il-familja taż-żagħżugħ Pakistani Ihtisam, li nstab mejjet il-Ħamis fiċ-ċella tiegħu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, ma ġiet avżata fl-ebda ħin bil-mewt taż-żagħżugħ… u kien propju l-avukat tal-vittma Jacques Grima li tagħhom din l-aħbar tragika.

Net News tkellem mal-avukat Grima illi spjegalna kif sar jaf bil-mewt ta’ Ihtisam. Huwa qal li ra l-aħbar fuq il-midja soċjali li żagħżugħ ta’ 25 sena tilef ħajtu fil-ħabs ta’ Kordin. Minħabba li hu kien jaf li l-klijent tiegħu għandu 25 sena, minnufih ċempel il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex jistaqsihom għal aktar informazzjoni. Meta sar jaf li sfortunatament kien il-klijent tiegħu li tilef ħajtu, kellu jagħti din l-aħbar ta’ dieqa lil familtu.

Grima stqarr ma’ Net News li din l-aħbar ħasditu minħabba li Ihtisam ma kellu l-ebda problema ta’ saħħa u lanqas ma kellu problemi fil-ħabs. Il-vittma kien ser joħroġ mill-ħabs f’Jum il-Milied u kien jinsab ottimist ferm li jintaqa’ mill-ġdid ma’ familtu.

Ihtisham ġie f’pajjiżna sabiex ifittex ħajja aħjar u ta’ spiss kien jagħmel kuntatt mal-qraba tiegħu… filfatt kien propju lejliet il-mewt tiegħu… l-Erbgħa 18 ta’ Novembru li l-vittma kellem lil ħuħ b’mod normali kif kien ikellmu is-soltu.

Dwar il-mewt ta’ Ihtisam infetħet inkjesta maġisterjali u l-awtopsja mistennija titfa’ aktar dawl fuq il-mewt taż-żagħżugħ… bil-qraba jitħallew ixxukkjati bil-mod kif ġew trattati, u mħawda li Ihtisam seta’ miet f’daqqa waħda waqt li kien rieqed mingħajr ebda spjegazzjoni.