Sport Sport Ieħor

Debutt diffiċli għal Kavallieri fit-Tazza tal-Ewropa

It-team tan-nisa tal-handball ta’ Kavallieri illum iddebutta fit-  tielet round tat-Tazza tal-Ewropa  kontra PAOK champions tal-Greċja. F’partita mill-aktar diffiċli, Kavallieri immexxija minn Anthony Xuereb sfaw megħluba 16 – 46 . L-ewwel esperjenza f’din il-kompetizzjoni għal Kavallieri, champions lokali tal-handball tan-nisa.

Kienu PAOK li ħadu l-inizjattiva fl-ewwel fażi tal-partita fejn wara li fetħu vantaġġ ta’ 9 – 1 sa nofs l-ewwel taqsima kienu 5 – 18 fil-vantaġġ liema taqsima ntemmet 6 – 23 . Minkejja li d-differenza bejn iż-żewġ timijiet kienet evidenti, fit-tieni taqsima, Kavallieri kienu aktar fil-partita fejn sa nofs it-taqsima marru 11 – 33 bil-partita tintemm 16 – 46 .

L-aħjar skorer tal-partita kienet Gkatziou Vasiliki b’16 il-gowl bil-gowls ta’Kavallieri waslu minn Emma Xuereb (6), Gabriella Xuereb (4), Irena Drugovic (3), Karen Zammit (2) u Daryl Azzopardi (1)

It-Tazza tal-Ewropa hija l-kompetizzjoni ewlenija fi ħdan il- Federazzjoni Ewropeja tal-Hockey li fiha qed jippartecipaw wieħed u erbgħin club minn tmintax-il pajjiż Ewropew.

Kavallieri kienu seeded direttament għat-tielet round tal-kompetizzjoni wara li xi timijiet irtiraw minħabba s-sitwazzjoni attwali tal-pandemija coronavirus. Għall-istess raġuni u bi qbil ma’ PAOK , iż-żewġ legs normalment fuq bażi ta’ home u away se jintlagħbu t-tnejn hawn Malta fil-kumpless tal-isport tal-Università. Ir-rebbieħ bl-aħjar differenza ta’ gowls jgħaddi għar-Round tal-aħħar 16.

It-tieni leg tintlgħab nhar il-Ħadd bil-bibien magħluqa fil-Kumpless tal-Isport tal-Universita’ f’Tal-Qroqq.