Futbol Sport

Għadd ta’ partiti interessanti fi tmiem il-ġimgħa

(Ritratt: Joseph Galea)

Wara l-waqfa għall-partiti internazzjonali, fejn rajna lit-tim nazzjonali Malti jersaq ferm viċin li jikteb l-istorja, mil-lejla jirritorna l-Kampjonat BOV Premier. L-ewwel erba’ timijiet kollha se jilgħabu kontra xulxin, Hibernians jilgħabu kontra Ħamrun Spartans filwaqt li Sliema Wanderers jilgħabu kontra Gżira United.

Hibernians jinsabu fl-ewwel post b’16 –il punt u Ħamrun jinsabu fir-raba’ post, żewġ punti anqas. Ħamrun fl-aħħar konfront tagħhom temmew fi draw ta’ 2-2 kontra Gżira United filwaqt li Hibernians tħabtu biex għelbu lil Żejtun Corinthians 3-2.

Sliema Wanderers komplew juru l-qawwa tagħhom dan l-istaġun fejn fl-aħħar konfront tagħhom għelbu lil Balzan 3-1 biex b’hekk telgħu jaqsmu l-ewwel post ma’ Hibernians. Għal Gżira dan se jkun konfront importanti hekk kif rebħa tpoġġijhom fuq l-istess Sliema b’ punt aktar.

Iċ-champions Floriana jilgħabu kotnra Balzan f’partita li tista’ titqies bħala waħda importanti għal Floriana biex iżommu l-pass mat-timijiet li jinsabu fuq quddiem. Floriana lagħbu l-aħħar fil-25 ta’ Ottubru minħabba li l-partita tagħhom qabel il-waqfa internazzjonali kontra Birkirkara kienet posposta minħabba għadd ta’ każijiet ta’ coronavirus fit-tim ta’ Birkirkara. Balzan kienu nkonsistenti dan l-istaġun fejn minn seba’ logħbiet kisbu żewġ rebħiet, żewġ draw u tliet telfiet.

Valletta se jkollhom konfront delikat kontra Gudja United. Il-prestazzjonijiet ta’ Valletta dan l-istaġun ma kienux tal-istess livell tas-snin preċidenti u b’hekk jinsabu ħames punti taħt it-timijiet fil-quċċata tal-klassifika b’partita anqas. Gudja jistgħu jitqiesu bħala sorpriża dan l-istaġun hekk kif jinsabu fil-ħames post tal-klassifika bi 13 –il punt.

Wara li kisbu l-ewwel rebħa tagħhom dan l-istaġun, Sirens jilgħabu kontra Żejtun Corinthians. Sirens se jkunu mingħajr l-attakkant Michael Mifsud wara li tkeċċa fl-aħħar partita kontra Lija Athletic liema partita Sirens rebħu 2-0. Żejtun tejjbu l-prestazzjonijiet tagħhom mill-bidu tal-istaġun u minn seba’ partiti rnexxielhom jiksbu sitt putni.

Santa Lucia jilgħabu kontra Lija Athletic b’ċans li Santa Lucia jiksbu t-tielet rebħa konsekuttiva. Għal Lija din se tkun partita importanti fejn wara l-bidu pożittiv li kellhom sofrew erba’ telfiet konsekuttivi.

Senglea Athletic li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika b’punt wieħed biss jilgħabu kontra Mosta li jinsabu fid-disa’ post bi tmien punti.

Il-partita bejn Birkirkara u Tarxien Rainbows ġiet posposta.

KAMPJONAT BOV PREMIER

Illum: Centenary Stadium: Santa Lucia v Lija A. 5.00pm, Sirens v Żejtun C. 9.15pm Għada: Hibernians Stadium: Gżira U. v Sliema W. 2.00pm, Hibernians v Ħamrun S. 6.15pm Centenary Stadium: Gudja U. v Valletta 2.00pm, Birkirkara v Tarxien R. posp. Il-Ħadd Centenary Stadium: Balzan v Floriana 2.00pm, Senglea A v Mosta 6.15pm