Ekonomija Lokali

“Il-Budget qed jinsa’ l-kwalità tal-ħajja”

"Pajjiżna għandu bżonn ekonomija ġusta għal kwalità ta' ħajja aħjar"

“Hemm bżonn pjan ekonomiku biex inħarsu lil hinn mill-flus u nagħtu l-aħjar kwalità tal-ħajja… u dan jista’ jsir biss b’diskussjoni biex ikun implimentat mudell ekonomiku aħjar.”

Kien dan il-messaġġ li twassal waqt it-tnedija ta’ mudell ekonomiku bl-isem “Beyond GDP” ippreżentata mill-Kummissjoni tal-Knisja għall-Ġustizzja u l-Paċi fejn saħqu dwar l-importanza ta’ ekonomija li tagħti l-ħajja, ikun hemm inklużjoni u jingħata rispett lejn l-ambjent u dawk l-iktar dgħajfa.

Fost l-oħrajn, issemmiet il-COLA fejn bħala Kummissjoni talbu biex ikun hemm tibdil fil-mekkaniżmu filwaqt li jkunu studjati l-kunċetti relatati mal-COLA…. fosthom salarju tal-ħaddiema li kapaċi jlaħħaq mal-ħajja ta’ kuljum.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, filwaqt li kienu msemmija is-sitt temi relatati mal-kwalità ta’ ħajja aħjar, intqal li hemm bżonn iktar minn diskussjoni…. iżda azzjoni.

Net News tkellem ma’ Glenn Fenech, konsulent li ħadem fuq dan il-mudell ekonomiku.

Preżenti kien hemm l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fejn qal li din l-inizjattiva se tkun qed tqarreb il-Knisja ma’ entitajiet oħra fil-qasam tan-negozju…. b’tama għal bidla reali fil-mudell ekonomiku għall-ġid tas-soċjetà Maltija.

Minn naħa l-oħra, il-President tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, Daniel Darmanin, qal li qed jaraw kif il-ġid mhux qed jinfirex b’mod ekwu… filwaqt li l-ambjent qed jiġi ssagrifiat għat-tkattir finanzjarju, għaliex l-enfasi qed tkun fuq il-finanzi, minflok li jitpoġġa l-bniedem fiċ-ċentru tal-ekonomija.