Lokali Qorti

Il-Kummissarju tal-Pulizija jgħid li naqset il-fiduċja fil-Korp

Meta kien qed jixhed fl-inkjesta tal-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa qal li huwa jemmen li l-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija kienet naqst sew.

Qal li meta ddeċieda li jissottometti n-nomina tiegħu għal Kummissarju tal-Pulizija ddeċieda li jagħmel dan għax ħass li kien hemm bżonn bidla fil-Korp.

Fix-xhieda tiegħu Gafa ried jagħti xi nformazzjoni, iżda bil-magħluq, bil-Bord jaċċetta t-talba minħabba wkoll biex jiġu protetti xi nvestigazzjonijiet li qegħdin isiru.

Gafà qal li beda jagħmel parti mill-Korp tal-Pulizija fl-2003. Qabel hu kien jaħdem mal-Forzi Armati ta’ Malta. Madankollu mal-FAM kien iħoss li x-xogħol li kien jagħmel kellu nuqqas ta’ kuntatt man-nies. Kien għalhekk li ddeċieda li jitlaq u applika mal-Korp tal-Pulizija.

Qal li għamel żmien Spettur tal-Pulizija u wara okkupa l-post ta’ Kap Eżekuttiv fil-Korp tal-Pulizija fejn dam f’din il-kariga sa Ġunju ta’ din is-sena. Wara applika għall-irwol ta’ Kummissarju tal-Pulizija.

Gafà tenna li bħalissa il-Korp tal-Pulizija għandu sistema diġitali fejn jekk xi Uffiċjal jirċievi vi rigal mingħand xi ħadd talli tah xi għajnuna, l-uffiċjal irid jimla formola.

Gafà ta eżempju li jekk Uffiċjal tal-Pulizija jgħin lil xi ħadd li kien insteraq u l-persuna tirritorna dan il-ġest bi flixkun whiskey bħala ġest ta’ ringrazzjament, l-uffiċjal ikun irid jimla formola.

L-Imħallef Abigail Lofaro qalet li hemm differenza bejn whiskey li jiswa €10 u whiskey li jiswa ħafna aktar minn hekk. Gafà qal li l-Pulizija jridu jiddistingwu bejn il-ġesti ta’ ringrazzjament li qed jirċievu.

Ix-xhud spjega kif il-Unit tar-Reati Ekonomiċi kienet ittejbet fl-aħħar snin u nnota kif fil-passat, uffiċjali fi ħdan din il-unit kienu jridu jwieġbu numru ta’ mistoqsijiet biex jitħallew jaċċessaw l-internet biex jaħdmu fuq l-investigazzjonijiet. Qal li dan kollu nbidel u l-Korp tal-Pulizija kellu jadatta għal dinja teknoloġika.

Il-Bord ta’ Inkjesta qal li jrid jifhem x’mar ħażin fil-passat b’rabta ma diversi investigazzjonijiet li hemm għaddejjin u li huma relatati mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Kummissarju tal-Pulizija ġie mistoqsi biex jispjega x’mar ħażin fil-passat, qabel ma kien appuntat bħala Kummissarju u fiż-żmien fejn kien qed iservi bħala Kap Eżekuttiv tal-Korp.

Qal li l-irwol tiegħu bħala Kap Eżekuttiv kien li jirrapporta direttament lill-Kummissarju tal-Pulizija u li huwa ħadem biss mal-Kummissarju Lawrence Cutajar.Dwar il-Panama Papers qal li hu qatt ma ra rapporti dwarhom qabel ma sar Kummissarju tal-Pulizija. Qal li dak iż-żmien kien qed jaħdem mas-servizzi tas-sigurtà..

Dwar il-Unit tal-Kriminalitajiet Ekonomiċi u l-bidla fit-tmexxija tal-unit, Gafà qal li l-ġustizzja m’għandhiex biss issir imma tidher li qed issir. Dwar l-Iskwadra tal-Omiċidji, Gafà qal li ma jridx li uffiċjal li jkun qed jinvestiga l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia,jinvestiga qtil ieħor.

Kompla jgħid li hemm erba’ persuni li qed jaffaċċjaw il-ġustizzja bħalissa imma l-Pulizija għadha qed tinvestiga l-mottiv wara l-qtil għax dan għadu mhux ċar. Gafà qal ukoll li l-Pulizija qed taħdem b’serjetà biex tistabbilixxi dan.

L-Imħallef Lofaro staqsiet lix-xhud dwar l-investigazzjonijiet dwar 17 Black. Italab ukoll jikkonferma jekk hux minnu li l-mistoqsijiet li ntbagħtu lill-awtoritajiet fl-Emirati Arab Magħquda kienu skorretti biex b’hekk l-investigazzjonijiet f’17 Black ħadu wisq fit-tul.

Gafà qal li ma jaqbilx mad-dikjarazzjoni li l-Pulizija bagħtet mistoqsijiet skorretti, imma konferma li kien hemm ħafna żbalji, bħal li n-numru tal-kont kien skorrett.

L-Inkjesta qed issir biex jiġi stabbilit jekk l-awtoritajiet setgħu jagħmlu xi ħaġa biex jipprevenu l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017.

Għall-familjari tal-vittma qegħdin jidhru l-Avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi. L-Inkjesta tkompli nhar it-Tlieta fis-1.00pm bix-xhieda ta’ Sandro Craus li huwa l-Kap tal-Customer Care f’Kastilja.