Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar il-Jum Dinji għat-Tfal

Ritratt: Unicef

Bħal-lum, l-20 ta’ Novembru, in-Nazzjonijiet Magħquda jfakkru l-Jum Dinji għat-Tfal għax fl-istess jum tal-1959 l-Assemblea Ġenerali tal-Nazzjonijiet Magħquda adottat id-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u fl-istess jum tal-1989 adottat il-Konvenzjoni tant importanti dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

Fi stqarrija ffirmata mill-Viċi Kap tal-PN u Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet tat-Tfal, David Agius u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, Clyde Puli, il-PN saħaq li f’dan il-Jum jixraq intennu li fil-qalba nett tal-prinċipji u l-valuri tal-partit hemm l-għożża tal-familja u l-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal. Bħala partit, bil-ħidma u t-tfassil tal-politika tagħna qed naraw li kontinwament nippromwovu u nsaħħu dawn id-drittijiet għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet ta’ żmienna u t’għada.

Il-PN qal li “jixraq niftakru wkoll fit-tfal f’Malta u madwar id-dinja li jistħoqqilhom ħajja aħjar u aktar dinjituża, fit-tfal li jixtiequ familja, fit-tfal li jgħixu fil-faqar, u t-tfal li jisfaw vittmi ta’ sitwazzjonijiet xejn xierqa.”

L-istqarrija temmet tgħid; “Nemmnu b’konvinzjoni li t-tfal tassew jistgħu jaqdu rwol ewlieni fis-soċjetà tal-lum jekk l-adulti jagħtuhom l-ispazju. Nemmnu wkoll li l-politika hi għodda utli li tista’ tagħmel differenza f’ħajjet kull wieħed u waħda minnhom. U nemmnu li t-tfal tal-lum, b’mod partikolari b’edukazzjoni u taħriġ ta’ livell għoli u b’enfasi fuq il-litteriżmu, l-ħiliet u l-innovazzjoni u kapaċi jtejbu d-dinja t’għada.”