Ekonomija Lokali

“Irridu ekonomija ta’ kwalità u mhux waħda ta’ kwantità” – Bernard Grech

“Il-Partit Nazzjonalista għandu strateġija ekonomika għall-ġenerazzjoni li jmiss” - il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech

“Irridu nirrinovaw l-ekonomija ta’ pajjiżna u nħarsu lejn sistemi godda ta’ kif nagħmlu l-ekonomija. Dan il-pajjiż ma jistax jibqa’ jħares biss lejn ekonomija tan-numri iżda lejn waħda ta’ kwalità. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista irid li flimkien mal-imprendituri jirnexxilna nittrasformaw l-ekonomija billi nħarsu lejn possibilitajiet ġodda ta’ kif jista’ jkollna ekonomija sostenibbli.” Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta għamel żjara lill-kumpanija e-Cabs.

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed iħares lejn is-setturi li nlaqtu ħażin minħabba fil-pandemija tal-COVID sabiex din il-kriżi tinbidel f’opportunita’ għalihom billi jibdlu l-ħiliet tagħhom f’opportunita’ għal transformazzjoni ekonomika permezz ta’ viżjoni ekonomika komuni għal Malta u Għawdex.

“Irid ikollna ekonomika li taħdem għan-nies fejn il-persuna tiġi qabel in-numri u hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jiltaqa’ ma’ diversi stakeholders, sabiex jibni strateġija ekonomika għall-ġenerazzjoni li jmiss,” tenna il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Bernard Grech faħħar lil din il-kumpanija żagħżugħa li ttrasformat il-ħolma tal-familja tagħhom fi storja ta’ suċċess. Hekk kif bħalissa kulħadd għaddej minn żminijiet diffiċli, din il-kumpanija għażel li tisfrutta dawn l-isfidi u għalhekk hu mportanti li jinħolqu modi ġodda ta’ kif kumpanija bħal dawn ikomplu jwettqu l-pjanijiet tagħhom.

Preżenti mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien hemm Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Investiment Ekonomiku u Negozji Żgħar Kristy Debono u l-kandidati għall-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista James Aaron Ellul u Ivan Castillo.