Lokali Qorti

Jitressaq it-tielet raġel mixli bil-qtil doppju f’Tas-Sliema

Id-Daniż Jesper Kristiansen ta’ 30 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil doppju f’Tas-Sliema. Kristiansen huwa t-tielet suspettat b’rabta mal-qtil ta’ Dr. Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski.

Fl-awla l-akkużat, li qal li m’għandux residenza fissa deher liebes flokk blu u qalziet griż. Huwa qal li xogħolu huwa ‘on line’ u wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

Kristiansen inġieb lura Malta ilbieraħ għall-ħabta ta’ nofsinhar b’titjira li waslet minn Madrid. Dan peress li ftit wara l-qtil doppju huwa kien ħarab minn Malta lejn Barcelona u spiċċa fil-Belt ta’ Cadiz.

Il-Pulizija f’Malta kienet għamlet talba għall-Mandat ta’ Arrest Ewropew u ftit tal-jiem wara huwa kien ġie arrestat mill-Pulizija Spanjola. Huwa kien ikkontesta t-talba biex jinġieb lura Malta fil-Qorti Spanjola, liema talba ma kinitx milqugħa.

L-ajruplan, li fuq inġieb Malta ġie chartered mill-Korp tal-Pulizija, niżel fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fost sigurtà stretta.  Wara siegħat ta’ interogazzjoni mill-Pulizija fid-Depot huwa tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

Huwa ġie ġie mixli bl-sitess akużi ta’ Victor Dragomanski dik li fit-18 ta’ Awwissu li għadda għall-ħabta tal-10.15pm fir-residenza ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski f’Tas-Sliema bil-ħsieb li joqtolhom kkawża l-mewt tagħhom.

Ġie mixli wkoll b’serq ta’ ġojjellerija mingħand il-vittmi, għamel użu minn karozza misruqa, ikkommetta serq ta’ pjanċi u li kellu fil-pussess tiegħu arma mingħajr il-permess tal-Kummissarju tal-Pulizija.

Wara huwa ġie eskortat mill-pulizija lejn il-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin. B’rabta ma’ dan il-qtil qed jiġi akkużat ukoll l-Albaniż Daniel Muka. Għal Kristiansen deher l-Avukat Stefano Filetti filwaqt li l-Avukati Joe Giglio u Roberta Bonello deheru bħala parte civile għan-nom tal-familjari tal-vittma.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat George Camilleri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mgħejjun mis-Supretendent James Grech u l-Ispettur Jonathan Ransley.