Internazzjonali

L-Awstralja: Xokk u għadab dwar reati tal-gwerra fl-Afganistan

Membri tal-militar Awstraljan li tkellmu kontra l-allegati reati tal-gwerra mwettqa mit-truppi tagħhom fl-Afganistan, qed iħossu li ‘ingħataw iraġun’ permezz tal-inkjesta li sejħet biex it-truppi responsabbli mir-reati jkunu proċessati bil-liġi. Dan waqt li l-Awstralja qed tirreaġġixxi b’xokk u rabja għar-riżultati ta’ inkjesta li tefgħet dell tqil fuq il-militar tagħha.

Rapport partikulari sab li l-qawwiet speċjali tal-Awstralja, allegatament, qatlu mal-40 priġunier u ċivili fl-Afganisan. Skont ir-rapport, membri ewlenin tat-taqsima tal-commandos Awstraljani ‘ġiegħelu lil suldati bi grad inqas minnhom biex joqtlu lill-priġunieri għal xejn b’xejn’ biex huma ‘ikollhom idea xi tfisser li toqtol persuna f’sitwazzjoni ta’ kumbattimenti’.

Ir-rapport irrakkmanda biex mad-19 il-eks suldat u truppi li għadhom fis-servizz jgħaddu minn ‘prosekuzzjoni’. L-iżvilupp qed jitqies bħala ‘aħbar bomba’ fl-Awstralja li hi kburija ħafna bil-militar u bl-istorja tagħha fil-gwerer tal-passat.

David McBride, eks avukat mal-militar li qed jiffaċċja akkużi dwar ‘leaks ta’ informazzjoni’ relatata mal-qawwiet speċjali fl-Afganistan’ qal li jħossu sodisfatt bir-rapport wara snin trattat bħala ‘traditur’.

L-avukat ta’ McBride qal li f’każ ta’ konferma konkreta dwar l-aġir qattiel tas-suldati Awstraljani fl-Afganistan, ‘ir-reputazzjoni u s-sens ta’ unur ta’ McBride se jibqgħu intatti’.

McBride ikkonferma li kien għadda dokumenti klassifikati lill-Awtorità tax-Xandir fl-Awstralja, bl-azzjoni tirriżulta f’akkużi kontra tiegħu flimkien ma investigazzjoni dwar ix-xandar tal-Istat. L-investigazzjoni, is-sena l-oħra, irriżultat ukoll f’rejd fuq il-kwartieri-ġenerali tal-istess xandar f’Sydney.