Futbol Sport

L-eks kowċ nazzjonali, Pippo Psaila f’Replay Preview tal-lejla

Il-Kampjonat Premier f’Malta jirritorna mill-lum, hekk kif tibda t-tmien ġurnata wara waqfa ta’ kważi ġimgħatejn minħabba l-impenji tat-timijiet nazzjonali Maltin tal-kbar u ta’ taħt il-21 sena. Il-jiem li għaddew kienu jiem sbieħ u eċitanti għall-futbol Malti, hekk kif stajna naraw lit-tim nazzjonali tagħna jilgħab tajjeb, jiskorja u jirbaħ anke jekk ma rnexxilnix niksbu l-promozzjoni għal Diviżjoni oħra tal-UEFA Nations League bi ftit.

Diskussjoni u analiżi fit-tmiem ta’ kompetizzjoni oħra għal Malta

F’edizzjoni oħra interessanti tal-Ġimgħa filgħaxija fuq Net Television, Replay Preview, se jkun hemm diskussjoni b’analiżi kostruttiva u dettaljata tal-wirjiet ta’ Malta, issa taħt it-tmexxija tal-kowċ Devis Mangia, fit-tmiem tal-kompetizzjoni li l-Maltin temmejna fit-tieni post fil-grupp, żewġ punti biss taħt il-Gżejjer Faroe li kisbu l-promozzjoni għal Diviżjoni C. Il-mistieden ewlieni f’Replay Preview tal-lum, li jibda fid-9:30pm, se jkun l-eks kowċ nazzjonali Malti u opinjonista popolari f’Malta, Pippo Psaila. Bi presentazzjoni ta’ Christian Micallef, il-programm tal-lejla se jkun qed jiddiskuti l-aspetti pożittivi u negattivi li kellu t-tim Malti f’dawn l-aħħar tmien partiti li lagħbna, minn kemm ilu li ħa r-responsabiltá teknika tal-iskwadra nazzjonali, it-Taljan Mangia.

L-azzjoni tal-gowl tal-vantaġġ momentarju għal Malta kontra l-Gżejjer Faroe

Dan mhux kollox. Lilhinn minn din l-analiżi, f’Replay Preview tal-lejla se nsegwu servizzi ta’ qabel il-partiti mill-Kampjonat Premier ta’ għada s-Sibt u nhar il-Ħadd li ġej. Wieħed minn dawn is-servizzi se jkun dak dwar il-partita l-kbira ta’ għada bejn Hibernians u Ħamrun Spartans, b’Replay tkellem maż-żewġ kowċis rispettivi, Stefano Sanderra ta’ Hibernians u Mark Buttigieg ta’ Ħamrun.

Mir-rokna tant popolari ‘X’Sar Minnhom?’, illum Christian Micallef se jkun qed jintervista lill-eks assistant referee Malti tal-FIFA, William Debattista li rtira fit-tmiem tal-ista

Il-programm Replay Preview tal-Ġimgħa filgħaxija jixxandar minn studil apposta li hu armat fir-restorant li jinsab is-Saqqaja, Il-Veduta. L-isfond tas-set ta’ dan il-programm hi l-veduta li wieħed jista’ jara filgħaxija, mis-Saqqaja jew l-Mdina.

L-ambjentazzjoni mill-isbaħ li wieħed jista’ jara mir-restorant Il-Veduta, minn fejn jixxandar il-programm Replay Preview tal-Ġimgħa, fid-9:30pm fuq Net Television.

Replay Preview tal-Ġimgħa filgħaxija hu wieħed mit-tliet programmi li ta’ kull ġimgħa jixxandru fuq Net Television mill-aġenzija Replay, li twassal aħbarijiet dwar il-futbol lokali u tipproduċi programmi sportivi fuq it-televiżjoni. Iż-żewġ programmi l-oħra jixxandru l-Ħadd fuq Net Television. Dawn huma Replay Live Score fis-6:45pm u l-programm l-aktar popolari u li llu jixxandar 21 sena, Replay li jwassal diskussjoni interessanti u bbilanċjata dwar il-futbol lokali.