Lokali Qorti

Mhux ħati li għamel profitt b’qerq għad-dannu tal-Arriva

Xufier li għamel ftit anqas minn sentejn jaħdem mal-kumpanija tat-Trasport Arriva ma nstabx ħati li għamel profitt b’qerq billi kien ibagħbas fis-sistema tal-biljetti. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li mix-xhieda ma kien hemm xejn li kien konklussiv f’dan kollu.

Il-Qorti qalet li għalhekk ma tistax issim lil George Ebejer ta’ 42 sena, ħati. Dokumenti ppreżentati mill-Ispettur Sean Scicluna lanqas biss hemm qbil dwar id-dati meta seħħ ir-reat u aktar minn hekk dawn jirreferu għal dati li jmorru lura għal 2011meta l-akkużi tgħid li kollox seħħ bejn Diċembru tal-2012 u Frar tal-2013.

Il-Qorti qalet li f’dawn id-dokumenti ma hemm l-ebda referenza għal Ebejer. Huwa minnu li xhud indikat li PIN number kien jappertjeni lilu, imma b’daqshekk biss ma jistax ikun konvinċiment ta’ tal-metodu li Ebejer uża biex jikkanċella xi biljetti.

Ebejer fix-xhieda tiegħu qal li kien jaħdem bħala xufier mal-kumpanija Arriva bejn Ġunju tal-2011 u Marzu tal-2013 fejn kien tkeċċa fuq kwistjoni ta’ dixxiplina. Qal li ġieli kkanċella biljett meta dan kien ħażin.

Tenna li l-magna sa biljett wieħed kienet tħallik tikkanċella u mhux l-ewwel darba li pprova jikkanċella erbgħa għax il-magna tkun weħlet, però xorta wieħed jiġi kanċellat u l-oħrjan jeħilhom ix-xufier.

Huwa ċaħad li għandu jagħti xi flus lill-kumpanija Arriva, anzi qal li għandu jieħu mingħand il-kumpanija s-somma ta’ €350 rappreżentanti ta’ flus depożitati żejda.

“Biex inkun minn fuq u ma jkollix nagħti”, huwa qal. Sostna li fejn kellu jagħti lil Arriva għamel dan għax fil-fatt f’April tal-2012 kien tahom €1,400, li kienu flus li ma kienux depożitati fl-2011.

Dwar dak li kien qed jiġi akkużat bih, dwar lista ta’ biljett kanċellati bejn Diċembru 2012 u Frar 2013 qal huwa f’dan il-perjodu ma kkanċella l-ebda biljett.

Mistoqsi kif ġew kanċellati numru kbir ta’ biljetti bil-PIN number tiegħu, tenna li jista’ jkun li riedu jkeċċuh għaliex ma riedx isuq tal-linja li tkun ħażina u allura xi ħadd mill-uffiċċju uża il-PIN tiegħu biex jikkanċellaw il-biljetti. Żied  jgħid li kieku riedu setgħu jaraw il-cameras tal-buses. Għal Ebejer deher l-Avukat Ryan Ellul filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sean Scicluna.