Lokali

MOU biex jeduka lit-tfal kollha dwar id-drittijiet tagħhom fl-ugwaljanza tal-ġender

Il-Business & Profession Women (Valletta) Malta (BPW) u l-Malta Foundation for the Well Being of Society (MFWS) ffirmaw il-Memorandum of Understanding (MOU) sabiex jaħdmu għall-edukazzjoni u l-adozzjoni taċ-Charter tad-Drittijiet tal-Bniet (the Charter of the Girl’s Rights).

Iċ-Charter, ispirat mill-Konvenzjoni tan-NU fuq id-Drittijiet tat-Tfal, kien adottat wara li kienet unanimament approvata reżoluzzjoni ppreżentata fil-Laqgħa tal-President Ewropew tal-BPW f’Zurich, fl-Iżvizzera, fit-30 ta’ Settembru 2016. Iċ-Charter fih disa’ Artikli li kollha għandhom x’jaqsmu mal-empowerment tal-bniet u jagħfsu fuq l-edukazzjoni għall-ugwaljanza tal-ġender u l-ġlieda kontra l-vjolenza.

Il-MOU, li daħlu għalih il-BPW u l-MFWS, ifittex li jeduka u jsaħħaħ il-fiduċja fil-bniet u fit-tfal kollha fejn jidħlu d-drittijiet tagħhom fl-ugwaljanza tal-ġender biex ma jkunx hemm diskriminazzjoni. Id-disa’ Artikli jittrattaw il-ħarsien u t-trattament ġust mill-familja, l-iskola, l-employers, u s-servizzi tas-saħħa u soċjali; jipproteġu lil dak li jkun kontra kull għamla ta’ vjolenza, esplojtazzjoni, abbuż sesswali, u restrizzjoni ta’ ħidma kulturali; l-imġiba bid-drittijiet kollha mogħtija lin-nies bil-liġi u l-organizzazzjonijiet soċjali; u d-dritt li l-bniet ikunu edukati fis-suġġetti li jsawruhom f’ċittadini li jkunu infurmati tajjeb. Jiġifieri, ikunu infurmati u edukati fuq kull ħaġa marbuta mas-saħħa l-aktar fejn tidħol il-mediċina li tiffoka fuq il-ġender; jibbenefikaw minn sapport pożittiv tal-familja, l-iskola, u s-servizzi tas-saħħa u soċjali.

Ikunu inklużi fl-istatistika uffiċjali u f’dejta li tirrapporta separatament skont il-ġender u l-età. Ikollhom id-dritt li ma jkunux il-mira ta’ min irid jinqeda bihom bħala strument għall-pubbliċità li tagħti lit-tfajliet dehra negattiva jew tweġġgħalhom ġieħhom.

Ġiet issettjata kummissjoni flimkien bejn il-BPW u l-MFWS biex jaħdmu fuq l-adozzjoni tad-disa’ Artikli li tinkludi kampanja li tiġġenera għarfien, u jaħdmu wkoll biex iċ-Charter tad-Drittijiet tal-Bniet jiġi adottat.

Il-Malta Foundation for the Well Being of Society hija entità ta’ bla qligħ li twaqqfet mill-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca biex ittejjeb l-inklużjoni soċjali u l-istandards tal-għajxien.