Lokali

Raġel isofri ġrieħi serji f’Ħaż-Żebbuġ

Dalogħdu għall-ħabta tat-8:30am, il-Pulizija kienet infurmata li kien hemm persuna li sofriet xi ġrieħi meta nqabdet bejn xi inġenji.

Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fi Triq Mikielang Sapiano, u sabu raġel ta’ 26 sena, residenti Ħaż-Żebbuġ stess, viċin ta’ gaffa u truck tal-għamla DAF. Mill-investigazzjonijiet preliminari li saru, irriżulta li huwa nqabad bejn l-inġenji meta kien qed iċaqlaqhom.

Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku kienu fuq il-post sabiex jassistu lill-vittma. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji u jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija fuq dan il-każ għadhom għaddejjin.