Internazzjonali

Stati Uniti: Joe Biden jirbaħ ir-‘recount’ f’Georgia waqt li jiżdiedu d-disfatti għal Trump

Ir-rebħa elettorali ta’ Joe Biden – il-President-elett tal-Istati Uniti – f’Georgia issa ngħatat konferma wara proċess ta’ recount fit-tul fl-Istat partikulari. Dan ifisser li fallew l-aħħar sforzi tal-alleati tal-President Amerikan (Repubblikan) Donald Trump biex jikkuntesta r-riżultat tal-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti, bl-isfidi legali tiegħu, s’issa, jisfumaw fix-xejn f’xejn anqas minn tliet Stati tal-pajjiż.

Skont ir-recount f’Georgia – li kellu jsir skont il-liġi tal-Istat – Joe Biden, il-kandidat Demokratiku, għeleb lir-rivali Repubblikan bi 12,284 vot.

Sadanittant, Joe Biden deher viżibbilment urtat waqt diskors partikulari fejn akkuża lil Trump ‘b’li kien jaf li ma kellux ċans li jirbaħ dan ir-recount’. Biden, fl-istess ħin, qal li l-President Trump qed juri ‘nuqqas kbir ta’ sens ta’ responsabbiltà’ minħabba l-aġir tiegħu fejn qed jirrifjuta li jammetti li tilef l-elezzjoni għat-tmexxija tal-pajjiż.

Dan meta Joe Biden qed iħejji biex, fl-20 ta’ Jannar, jieħu t-tmun tal-Istati Uniti bħala s-46 President Amerikan.

Ir-rebħa ta’ Biden, li hi determinata mis-sistema tal-Kulleġġ Elettorali tal-Istati Uniti, hi proġettata bħala 306 vot kontra t-232 għal Trump – bit-307 vot ikunu ħafna aktar mill-270 meħtieġa għall-konferma tas-suċċess elettorali.

Intant, Donald Trump għadu jinsisti li l-elezzjoni ntrebħet minnu fost allegazzjonijiet ta’ frodi elettorali fuq livell ġenerali – u mingħajr ma hu qatt ressaq xi provi konkreti.

Fl-aħħar sigħat, is-Segretarju tal-Istat ta’ Georgia, Brad Raffensperger qal li li r-recount manwali tal-voti ‘ma biddilx ir-rebħa ta’ Joe Biden f’dan l-Istat’. Raffensperger, li hu Repubblikan, qal li s-sistema hi waħda ‘sikura u preċiża’ u li r-riżultat seta jkun ikkonfermat mill-ġdid grazzi għall-ħidma kbira tal-uffiċjali elettorali lokali li rnexxielhom iwettqu proċess twil u delikat fi żmien relattivament qasir.

Ir-rebħa tal-kandidat Demokratiku f’Georgia hi l-ewwel waħda għal rappreżentant ta’ dan il-Partit f’elezzjoni għall-Presidenza mindu Bill Clinton kien elett President Amerikan fl-1992.

Mill-banda l-oħra, Jenna Ellis, bħala l-konsulent legali ewlieni mal-kampanja ta’ Donald Trump, qalet li r-recount f’Georgia ‘irriżulta f’dak li kienu qed jistennew ir-Repubblikani’ meta, skont hi, ‘l-Istat spiċċa jgħodd mill-ġdid il-voti illegali’. Jenna Ellis ma provdiet l-ebda provi li jistgħu jissostanzjaw dawn il-kummenti.