Lokali

Talba biex il-Kummissarju Ewropew jintervjeni fuq l-insib għall-għasfar tal-għana

Ritratt: BirdLife Malta

Wara l-ftuħ mill-ġdid ta’ staġun tal-insib għall-għasafar tal-għana mill-Gvern
Malti bi sfida għas-sentenza li tat il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ) fl-2018, 24 imsieħeb fil-familja tal-BirdLife minn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) approvaw ittra ffirmata mill-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife International Patricia Zurita, is-Senior Head of Policy ta’ BirdLife Europe Ariel Brunner u l-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana li ntbagħtet lil Virginijus Sinkevičius, il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd.

F’din l-ittra l-BirdLife Partnership qed jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tieħu
azzjoni diretta kemm jista’ jkun malajr kontra Malta dwar id-deroga attwali tal-insib għall-għasfar tal-għana li qed toħloq preċedent u qed tibgħat il-
messaġġ li l-pajjiżi jistgħu jgħadduha lixxa meta jippermettu l-qtil illegali tal- għasafar selvaġġi tal-Ewropa taħt l-iskuża ta’ riċerka xjentifika. Il-
Kummissjoni qed tintalab tintervjeni dwar is-sitwazzjoni attwali f’Malta sabiex tirrestawra s-saltna tad-dritt fejn għandu x’jaqsam mal-ħarsien tal-
għasafar fil-Gżejjer Maltin.

L-ittra tispjega kif bil-ftuħ mill-ġdid ta’ staġun tal-insib il-Gvern f’Malta mhux biss qed jisfida s-sentenza tal-Qorti Ewropea imma anke t-Trattat tas-Sħubija ta’ Malta fl-UE u sabiex tipprova tgħaddiha lixxa, Malta din id-darba qed tapplika deroga taħt id-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar għal raġunijiet ta’ riċerka xjentifika.

L-ittra tkompli li r-raġunament tal-Gvern li jippermetti lin-nassaba li jonsbu
mingħajr ebda kwoti sakemm jeħilsu lura l-għasafar kollha li jaqbdu huwa
wieħed ivvizzjat serjament, ftit li xejn huwa sodisfaċenti u jippretendi li kulħadd jemmen, inkluż il-Kummissjoni Ewropea, li l-għasafar kollha li qed
jiġu minsuba qed jinħelsu.

Dan apparti l-fatt li d-deroga li tippermetti l-insib għall-għasafar tal-għana
qatt ma tista’ tiġi ġġustifikata, ladarba l-verdett tal-Qorti Ewropea ddikjara
b’mod ċar u inekwivoku li Malta qatt ma kienet interessata li tidentifika xi
alternattiva oħra għall-prattika tal-insib tal-għasafar tal-għana, li jibqgħu speċi protetti fuq livell Ewropew.

Biex is-sitwazzjoni tkompli tiggrava, id-deroga tal-għasafar tal-għana qed tiġi applikata fl-istess ħin ma’ deroga oħra li tippermetti l-insib għall-Pluviera u l-Malvizz, mill-istess nassaba fl-istess siti. Qatt qabel ma kellna każ li qed jiġi ttestjat quddiem il-Kummissjoni Ewropea fejn il-linja bejn il-qtil tal-għasafar selvaġġi u r-riċerka hija daqstant imċajpra.