Futbol Internazzjonali Sport

Cyber attack fuq is-sistemi elettroniċi ta’ Manchester United

Il-klabb tal-football Ingliż Manchester United ħabbar li sofra attakk fuq is-sistemi elettroniċi tiegħu.

Uffiċjali tal-klabb ikkonfermaw dan is-cyber attack u qalu li ttieħdet azzjoni pronta sabiex tkun ikkontrollata l-ħsara li saret. Esperti tekniċi qed ikomplu jinvestigaw il-każ u jaħdmu biex is-sistemi jerġgħu lura għan-normal.

L-uffiċjali ddeskrivew dan l-attakk bħala wieħed sofistikat ħafna mwettaq minn kriminali esperti, madankollu fakkru li l-klabb għandu protokolli estensivi u proċeduri fissi għal eventwalitajiet bħal dawn, u kienu preparati għal attakki ta’ dan it-tip.

Huma spjegaw li d-difiżi li kellhom imħejjija għal cyber attacks bħal dawn ħadmu billi identifikaw l-attakk u awtomatikament għalqu s-sistemi biex ġiet illimitata l-ħsara u biex ġiet protetta d-data tal-klabb.

Il-media channels l-oħra tal-klabb, inkluż il-website u l-app ma ġewx effettwati u skont l-uffiċjali tal-klabb lanqas ma ġiet minsusa data personali ta’ fans jew klijenti.

Dan l-attakk mhux mistenni jeffettwa bl-ebda mod il-partita ta’ għada f’Old Trafford kontra West Bromwich Albion.