Futbol Sport

Devis Mangia f’intervista mingħajr kantunieri f’Replay ta’ għada l-Ħadd

Devis Mangia waqt il-ġbid tal-intervista speċjali li se tidher fuq Replay

Intervista esklussiva u li tidħol fil-fond fuq diversi temi ta’ interess

Fl-istess ġimgħa li Malta temmet fit-tieni post tal-grupp tal-UEFA Nations League, f’Diviżjoni D u l-għada li għat-tieni xahar konsekuttiv, it-tim nazzjonali Malti reġa’ kien l-aktar tim fid-dinja li għamel progress u mexa postijiet fir-rankings tal-FIFA, Replay tkellem f’intervista speċjali u esklussiva mal-kowċ nazzjonali, Devis Mangia. L-intervista fit-tul u b’mistoqsijiet diretti, u kultant li ma kienux faċli biex il-kowċ Taljan iwieġeb, saret mill-Kap ta’ Net Sports u presentatur tal-programmi Replay, Christian Micallef f’xenarju differenti minn tas-soltu, hekk kif Mangia kellu l-pjaċir jilqa’ lill-crew televiżiv fid-dressing room tat-tim nazzjonali f’Ta’Qali.

(Ritratt: MFA)

X’aktarx din hi l-aktar intervista sal-lum, li Mangia qatt kellu minn kemm ilu li sar kowċ ta’ Malta, li tidħol daqstant fil-fond fuq diversi temi ta’ interess u oħrajn li kien għadu qatt ma tkellem dwarhom qabel fil-media. Permezz tal-istil tiegħu ta’ kif jistaqsi l-mistoqsijiet f’intervisti ta’ dan it-tip, Micallef jistaqsi lil Mangia biex jgħidlu x’kienu dawk id-dubji li hu kellu fil-bidu nett ta’ dan l-impjieg tiegħu mal-MFA u li llum tawħ risposta bl-oppost ta’ kif kien qed jaħsibha kif ukoll sabiex jispjega fil-prattika u b’sempliċitá li jifhmu kulħadd, l-istil filosofiku u tattiku li hu qed jimplimenta fil-ħidma tiegħu bħala kowċ nazzjonali, mhux biss mat-tim tal-kbar iżda mat-timijiet kollha nazzjonali fil-kategoriji kollha, inkluż fit-tim nazzjonali tan-nisa.

Quddiem il-cameras ta’ Replay, Mangia jitkellem għall-ewwel darba dwar it-tim tekniku tiegħu, li hu kompost minn xejn inqas minn għaxar persuni tekniċi Taljani, li kollha kemm huma ġew impjegati mill-MFA bħala parti mill-proġett ħolistiku ta’ Mangia f’Ta’Qali. Bosta minn dawn l-individwi huma persuni b’CV kalċistiku mill-aktar interessanti, bħal fil-każ taż-żewġ assistant kowċis tiegħu, Davide Mazzotta u Guillermo Giacomazzi.

Mangia jitkellem ukoll dwar ir-relazzjoni kbira li għandu mal-eks kowċ nazzjonali Taljan, Arrigo Sacchi kif ukoll dwar temi partikolari u li jolqtu direttament lill-klabbs lokali, bħal fil-każ tan-numru ta’ timijiet ta’ klabbs fil-Kampjonat Premier u dwar l-ammont ta’ plejers barranin fl-ogħla diviżjoni ta’ pajjiżna.

L-intervista ma’ Devis Mangia se tixxandar f’Replay ta’ għada l-Ħadd, li jibda fid-8:45pm fuq Net Television.

Ma jistax jonqos li Micallef ma jitkellimx ma’ Mangia dwar punti oħra mill-proġett tekniku tal-President Bjorn Vassallo, fosthom il-parteċipazzjoni ta’ klabb Malti fil-LEGA Pro fl-Italja u t-twaqqif tal-MFA Foundation, li tikkonċentra speċifikament fuq it-tisħiħ tal-grassroots f’Malta, b’dan tal-aħħar hu proġett ambizzjuz ħafna li iżda sal-lum għadna ma tantx smajna wisq mill-assoċjazzjoni Maltija li tmexxi l-futbol f’pajjiżna.

Matul l-intervista, Micallef ħataf l-opportunitá ukoll sabiex jitkellem ma’ Mangia fuq il-ħidma li qed issir minhu u miċ-Ċentru Tekniku tal-MFA, dwar l-ingaġġ ta’ plejers barranin li iżda għandhom dixxindenza Maltija. Bl-istil ċajtier tiegħu, Micallef jieħu ukoll din l-intervista f’waqtit leġġeri, li joħorġu l-personalitá u l-karattru ta’ Mangia lilhinn mir-rwol tiegħu ta’ kowċ nazzjonali.

Dan kollu, flimkien ma’ temi u suġġetti oħra, se jkunu parti mill-intervista li saret illum ma’ Mangia fid-dressing room tat-tim nazzjonali Malti u li se tixxandar għada, il-Ħadd fil-programm Replay li jibda fid-8:45pm fuq Net Television. Din l-intervista se tixxandar f’żewġ verżjonijiet, hekk kif għada se tixxandar il-verżjoni qasira fuq it-televiżjoni, filwaqt li nhar it-Tnejn filgħaxija, il-paġna ta’ Replay fuq Facebook se tkun qed ixxandar l-intervista sħiħa ta’ madwar siegħa, li Micallef għamel ma’ Mangia.