Futbol Sport

Erling Haaland jirbaħ l-unur tal-Golden Boy tal-2020

L-attakkant Norveġiż ta’ Borussia Dortmund Erling Haaland rebaħ l-unur tal-Golden Boy bħala l-iktar plejer promettenti fid-dinja ta’ taħt il-21 sena. Huwa għandu biss 20 sena, u f’Jannar li għadda ħalla t-tim ta’ RB Salzburg biex ingħaqad mal-Ġermaniżi għas-somma ta’ €20 miljun. Haaland skorja 27 gowl f’29 partita għal Boruasia Dortmund, filwaqt li għat-tim nazzjonali, sab ix-xibka sitt darbiet f’seba’ logħbiet. L-attakkant ta’ Barcelona Ansu Fati ġie fit-tieni post, segwit mid-difensur ta’ Bayern Munich Alphonso Davies.

L-ewwel għaxar postijiet inkludew dawn il-plejers; Jadon Sancho (Borussia Dortmund), Edouard Camavinga (Stade Rennais), Dejan Kulusevski (Juventus), Phil Foden (Manchester City), Dominik Szoboszlai (Red Bull Salzburg), Bukayo Saka (Arsenal) u Vinicius Junior (Real Madrid).

L-aħħar rebbieħa ta’ dan l-unur kienu Kylian Mbappe ta’ PSG fl-2017, Matthijs de Ligt ta’ Juventus fl-2018 u l-iktar riċenti Joao Felix ta’ Atletico Madrid fl-2019.