Lokali

Għażiż Milied – Proġett ta’ Future Voices Studio 2020

“Nistgħu f’dan il-Milied naqsmu l-ferħ tagħna ma’ ħaddieħor, bħal ma nagħmlu ta’ kull sena bit-talent tagħna?” – Din kienet il-mistoqsija f’moħħ l-istudenti u l-għalliema ta’ Future Voices Studio fil-Gudja, taħt id-direzzjoni ta’ Ms Iona Dalli b’assistenza ta’ Ms Marija Bellia.   

Fis-snin passati, dawn l-istess tfal u adoloxxenti li jiffurmaw parti minn din l-għaqda, bħala kantanti solisti, jew bħala parti minn kor, dejjem taw is-sehem tagħhom fiż-żminijiet ferriħija tal-Milied billi pparteċipaw f’attivitajiet u kunċerti lokali.  Din is-sena, għaldaqstant, kellhom isibu alternattivi oħra minħabba s-sitwazzjoni li lkoll ninsabu fiha bil-limitazzjonijiet tal-pandemija Covid-19.  

B’hekk, waqt l-ippjanar tal-attivitajiet li ser isiru f’dan iż-żmien, li sar permezz ta’ meetings fuq Zoom, ħarġet l-idea ta’ proġett maħdum mit-tfal u l-għalliema stess, bil-għan li l-fondi miġbura minnu jingħataw għall-kawża ġusta.  Il-proġett jikkonsisti f’kanzunetta oriġinali bil-Malti bl-isem ta’ “Għażiz Milied” , bi kliem u mużika ta’ Marija Bellia u Iona Dalli, li titratta dwar is-suġġett tal-Milied, b’mod partikolari f’dawn iż-żminijiet diffiċli.  

‘Il fuq minn 30 student u studenta ser ikunu l-vuċijiet li jimlew din il-kanzunetta, iżda barra minn hekk, id-direttriċi ħarġet bl-idea li l-flus li normalment jinħarġu biex isir recording ta’ proġett bħal dan, minflok imorru kollha għal għan nobbli bħal xi għaqda li tiġbor għal tfal fil-bżonn. U mhux hekk biss! Dawn it-tfal ħadu wkoll l-inizzjativa illi jagħmlu ġest ma’ tfal inqas ixxurtjati minnhom li jinsabu fil-kenn tal-istituti billi jnaqqsu minn dak li ser jirċievu huma fil-Milied, u jagħtuh bħala rigal lil dawn it-tfal.  Fuq kollox, huma jaħsbu li mhuwiex il-materjaliżmu li se jwassal il-ferħ, iżda l-ħsieb, u għalhekk flimkien mar-rigali ser ikunu qed jibagħtu ittri personalizzati fejn jgħaddu x-xewqat tagħhom.  

Flimkien mal-proġett tal-kanzunetta,  se jkun qed jinħareġ Music Video miġbud b’mod volontarju minn Kurt Cauchi Videography. 

Kull min jixtieq jingħaqad f’dan il-ġest sabiħ tad-donazzjoni tar-rigali, biex jagħmel dan billi jibgħat email lill-għalliema ta’ Future Voices, Iona Dalli fuq iona_music@hotmail.com jew jibgħat messaġġ fuq 79291704.  Hekk ikunu jistgħu jagħmlu donazzjoni monetarja jew inkella jieħdu d-dettalji ta’ xi tifel/tifla mill-istitut flimkien mal-eta’ tagħhom sabiex ikunu jistgħu joffru rigal u nota mill-qalb.