Futbol Sport

Il-Beltin jiddominaw id-disgħin minuta iżda jonqsu milli jsibu x-xibka grazzi għall-bravura ta’ Zammit

(Ritratt: Domenic Aquilina - MFA)

Matteo Grima

GUDJA UNITED……..0

VALLETTA…………….0

Gudja United: G.Zammit, J.Farrugia, Y.Messias, A.Friggieri, L.Cremona, G.Mensah, A.Caseres (T.Gusman 68’), G.Adamovic (N.Micallef 73’), A.Bolanos, J.Grioli, P.Silva.

Valletta: H.Bonello, J.Caruana, T.Caruana, S.Malano, M.Piciollo, S.Dimech (T.Marukawa 72’), E.Beltre, J.Zerafa, E.Sala, R.Muscat (K.Nwoko 72’), M.Fontanella.

Imwissija: P.Silva (G), S.Malano (V)

Referee: Philip Farrugia

In-Nazzjon Player tal-logħba: Enmy Pena Beltre (V)

Il-mixja pożittiva ta’ Gudja United tkompli għaddejja meta kontra t-tim tal-Kapitali kisbu punt importanti minkejja l-pressjoni kbira u d-dominanza assoluta tal-oppożizzjoni li naqset milli ssib ix-xibka.

Valletta jibdew l-aħjar, ifittxu gowl kmieni fil-partita.

Valletta bdew juru l-intenzjonijiet tagħhom kmieni fil-partita fejn wara tmien minuti logħob kellhom ħarba sabiħa ta’ Pena Beltre mal-linja laterali leminija fejn bil-pass tiegħu sab lil Muscat li kellu x-xutt tiegħu devjat għal korner. Mill-istess korner, Triston Caruana kellu l-kross dirett tiegħu stampat mal-wieqfa.

Pena Beltre reġa wera’ l-livell tiegħu meta bil-kross tiegħu sab lil Malano, b’dan tal-aħħar ikollu x-xutt tiegħu ftit għoli mill-lasti ta’ Zammit.

Ċans tad-deheb fl-ewwel azzjoni ta’ Gudja United

Man-nofsiegħa logħob, Gudja United kienu verament viċin li jmorru fil-vantaġġ meta Friggieri qassam lil Caseres li bil-kross tiegħu ħoloq paniku fid-difiża Beltija, bil-ballun jiġi f’saqajn Mensah li minn pożizzjoni ideali jitfa’ faċilment f’idejn Bonello.

Il-Beltin jirrispondu għaċ-ċans ta’ Mensah

Ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima, Zammit wettaq save eċċellenti wara xutt mid-distanza ta’ Piciollo iżda l-ballun waqa’ għand Dimech li mill-viċin reġa’ ra lil Zammit iwettaq save mill-isbaħ, biex l-ewwel taqsima spiċċat mingħajr l-ebda gowl.

Valletta jżidu l-pressjoni tagħhom fit-tieni taqsima

Wara 3 minuti fit-tieni taqsima, erġajna rajna xogħol tajjeb mid-difensur laterali, Pena Beltre, li bil-kross tiegħu sab lil Malano, li b’daqqa ta’ras ra l-ballun jaħbat max-xibka minn barra. Ftit wara, Piciollo avvanza tliet kwarti ta’ grawnd, bil-konklużjoni tiegħu minn ġol-kaxxa tgħaddi barra. Erba’ minuti wara, Piciollo reġa’ ttanta xortih iżda Zammit salva b’qabża mill-isbaħ.

Dimech jonqos milli jirrepeti dak li għamel mat-tim Nazzjonali

Mas-siegħa logħob, Piciollo kompla fuq il-prestazzjoni pożittiva tiegħu meta bil-kross tiegħu sab liż-żagħżugħ Dimech li minn pass quddiem il-lasti ta’ Zammit tefa’ inkredibilment għoli.

Lejn l-aħħar għaxar minuti tal-partita, il-kross ta’ Triston Caruana mill-korner sab lil Sala, bid-daqqa ta’ ras tiegħu tgħaddi verament viċin il-minduda.

Lejn l-aħħar minuti tal-partita, Nwoko kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu li għal darboħra kienet salvata b’mod spettakolari minn Zammit