Lokali

“Il-Gvern għandu jaġixxi fuq is-sitwazzjoni tal-ħabs” – Repubblika

Fix-xhur li ilu jmexxi l-ħabs il-Kurunell Alexander Dalli mietu 11-il persuna fil-kustodja tiegħu. Ħafna mill-imwiet baqgħu inspjegati jew inspjegabbli. Ħadd ma jiftakar rata ta’ mwiet fil-ħabs bħal din.

Nifhmu li meta jmut xi ħadd fil-kustodja tal-ħabs, tinfetaħ inkjesta maġisterjali. Ma smajna qatt li ngħalqet xi waħda minn dawn l-inkjesti kollha u x’kien l-eżitu tagħha. L-imwiet iseħħu fis-segretezza tal-ħabs u l-istħarriġ tal-imwiet isir fis-segretezza istituzzjonali tal-maġistratura.

Dan qalithu l-organizzazzjoni Repubblika permezz ta’ stqaarija fejn saħqet li l-gvern m’għandux jistenna aktar biex jiddetermina li aktarx jeżistu fallimenti sistematiċi li qed iwasslu għal dawn l-imwiet. Ninkwetaw fuq dawk li mietu. Imma ninkwetaw ukoll fuq il-priġunieri kollha sottoposti għal trattament li seta’ wassal lil wisq nies ineħħu ħajjithom b’idejhom. Fuq il-ħajjin ma jsirux inkjesti.

Sar issa urġenti li jkun verifikat li fil-ħabs mhemmx ħakma li tammonta għal tortura jew abbuż sistematiku.

Repubblika rrakkomandat li:

• Minnufih jitneħħa minn direttur tal-ħabs il-Kurunell Alexander Dalli;
• Għal xi żmien l-amministrazzjoni tal-ħabs taħdem taħt is-sorveljanza ta’ Kumitat Parlamentari li jisma’ l-amministratturi tal-ħabs u esperti fl-amministrazzjoni tal-ħabs u fil-ħidma soċjali biex jassigura s-salvagwardja tal-ħajja u tad-drittijiet fundamentali tal-priġunieri;
• Titqabbad inkjesta pubblika u indipendenti biex tgħarbel il-kundizzjonijiet fil-ħabs, tiddetermina jekk l-istat u l-amministrazzjoni tal-ħabs għandhomx parti mir-responsabbiltà għal fallimenti istituzzjonali,  x’azzjoni għandha tittieħed u x’nistgħu nitgħallmu minn dawn il-fallimenti u biex tagħmel rakkomandazzjonijiet għal riformi fil-ħabs;
• Jitwettqu r-riformi li hemm bżonn biex ikollna ħabs li jitratta l-priġunieri b’dinjità u umanità.

Finalment Repubblika tesprimi s-sogħba sinċiera tagħha għall-mewt ta’ Ihtisham Ihtisham u tesprimi tama sinċiera li ssir magħrufa l-verità kollha dwar mewtu u dwar mewt il-priġunieri l-oħra kollha li tilfu jew neħħew ħajjithom f’dawn l-aħħar xhur.